Tuesday, May 14, 2024

Abner Aquilina kien ippjana li jweġġa’ lill-eks sieħba tiegħu iżda beża’ minn missierha

- Ikompli l-każ dwar il-qtil ta’ Paulina Dembska f’Tas-Sliema

Aqra wkoll

Eks priġunier irrakkonta fil-Qorti kif huwa kien skomdu għal ġimgħat sħaħ meta kien fl-istess kamra ma’ Abner Aquilina li tkellem fil-miftuħ dwar kif allegatament kien qatel lil Paulina Dembska u oriġinarjament kien ippjana li jweġġa’ lill-eks sieħba tiegħu.

Ir-raġel tela’ jixhed hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Abquilina li jinsab mixli bil-qtil ta’ Dembska, liema delitt seħħ f’Jannar tal-2022 fi Ġnien l-Indipendenza, Tas-Sliema.

L-eks priġunier xehed li kien ilu xahar sħiħ fl-istess kamra ma’ Aquilina fit-Taqsima Forensi meta mbagħad iddeċieda li jitkellem għax qal li ma felaħx iktar jisimgħu jidħak u jiżżufjetta dwar kif issoġġetta lil “din il-povra tfajla” għal dan kollu.

Għalkemm il-mara qatt ma ssemmiet b’isimha, ix-xhud qal li kien jaf sew għal min Aquilina kien qed jirreferi peress li kien sema’ bil-qtil fl-aħbarijiet. Kull meta kien jidħol xi ħadd ġdid f’din it-Taqsima, Aquilina kien jirrepeti l-istess rakkont tiegħu dwar kif kien faga’ lill-vittma bil-faxex u mbagħad stupraha meta mietet.

“Wara li kien ħassar minn mal-eks tfajla tiegħu, Aquilina kien oriġinarjament ippjana li jweġġagħha iżda mbagħad bidel il-ħsieb għax qal li “kien imbeżża’ minn missierha li joqtlu.

“Għalhekk, kellu fil-mira tfajla oħra li kienet qiegħda titma’ l-qtates f’Tas-Sliema,” kompla jgħid ix-xhud. Aquilina kien ukoll jgħid lill-priġunieri li kien hemm nies li rawh iwettaq l-allegat stupru iżda ħasbu li kien qed jagħmel il-push ups.

L-eks priġunier qal ukoll li l-imputat kien joqgħod jidħaq u jiċċajta dwarha, għalkemm qatt ma semmieha b’isimha. Qal li meta ma felaħx aktar jisma’ b’dan kollu għalhekk kien talab li jkellem lill-Ispettur.

Il-każ, li qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia jkompli fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Darlene Grima u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Wayne Camilleri, Jonathan Ransley u Shaun Pawney.

L-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud qed jidhru għall-imputat. L-Avukati Stefano Filletti u Lara Dimitrijevic dehru parte civile.

Sport