Thursday, December 26, 2024

IL-KAPITALIŻMU

Aqra wkoll

Tħobbu jew tobogħdu, ikollok tammetti li l-kapitaliżmu għandu ħila straordinarja biex jiżviluppa u jinfirex skont iċ-ċirkostanzi fil-firxa ta’ ħidmiet li jidħol għalihom (b’suċċess). Żmien twil ilu kien maħsub li jservi bħala għodda mill-aqwa biex sidien privati jkabbru l-ġid personali u jsostnu l-poter tagħhom fis-soċjetà. Kien mitqies ukoll  bħala għodda qawwija biex il-foqra u l-maħqura jinżammu f’dik il-qagħda  ħalli jibqgħu jiġu esplojtati mill-qawwija u mis-sinjuri. 

Illum, gvernijiet daħlu għall-prattika tal-kapitaliżmu, skond id-domma tas-suq ħieles.  Fosthom hemm gvernijiet immexxija minn partiti komunisti li sa ftit deċennji ilu kienu fost l-akbar għedewwa tiegħu.

U min-naħa l-oħra, nisimgħu argumenti ta’ ekonomisti u diplomatiċi (il-biċċa l-kbira ta’ twemmin liberali jew neo-liberali, veru, imma mhux kollha) li bl-istatistika f’idejhom, isostnu kif permezz tal-kapitaliżmu, biljuni ta’ nies fil-qiegħ nett, qed jittellgħu ’l fuq  lejn għajxien aktar diċenti.

Bla ma naċċettaw b’għajnejna magħluqa kull ma jitpoġġa quddiemna, hu evidenti li d-diskors dwar il-kapitaliżmu ma jistax jibqa’ jsir bl-istess lingwaġġ ta’ meta kont żagħżugħ.

***

KONTROVERSJA LETTERARJA

Stagħġibt bil-kontroversja li qamet dan l-aħħar dwar il-letteratura Maltija moderna. Għax sa fejn naf jien, dan hu qasam mill-aktar kwiet, li tilef ħafna mill-attenzjoni li qabel kien jingħata anke għax l-għadd ta’ qarrejja interessati naqas bil-kbir.

Li jqumu żagħżagħ interessati biżżejjed fil-kitba biex jiktbu dwarha u jikkritikawha, anonimament jew fil-miftuħ,  għalija hu avvanz kbir, tkun kif tkun ix-xeħta tal-kritika li ssir. Ma nifhimx għaliex il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħass il-ħtieġa — jekk fhimt tajjeb — biex b’xi mod jiċċensurahom. Kwalunkwe kritika li tista’ ssir lill-kitba f’Malta — aktar u aktar jekk tkun waħda “impenjata” — sservi biex tkabbar interess fil-kitba kontemporanja li spiċċat wisq mitqiesa bħala  delizzju/passatemp.

SLAPP JEW LE

Ftit ilu, operatur Malti fis-servizzi finanzjarji għamel kawża fi Franza kontra l-istazzjon televiżiv France 2 għal kif urewh fi programm ta’ rapporti investigattivi. Intwera bħala wieħed li qed jinqeda b’konnessjonjiet “politiċi”  biex jagħmel arranġamenti mhux leċiti. Kont rajt il-programm u tassew, hekk tikkonkludi minn dak li ntwera.

Għall-bidu l-qrati Franċiżi aċċettaw li France 2 ma jiżvelax ir-recording kollu tal-intervista li kien tah l-operatur. Dan baqa’ jinsisti. Il-qrati bidlu d-deċiżjoni tagħhom u meta raw u semgħu l-intervista kollha, ikkonkludew li tassew l-operatur Malti kien ġie proġettat b’mod għal kollox falz.

Għalkemm France 2 mhux xi ġurnalist “ċkejken”, naħseb li l-mistoqsija xorta tqum: Dan ma kienx kas ta’ azzjoni SLAPP, imma seta’ kien. Ma nistgħux f’kollox u f’kull waqt nemmnu fil-bona fede tar-rapporti ġurnalistiċi.

IT-TREJD UNJINS

Is-saħħa tat-trejdunjins fl-Eweropa ilha tmajna sa minn żmien il-Prim Ministru Thatcher fir-Renju Unit, forsi anke qabel. L-organizzazzjoni industrijali f’fabriki fejn ħafna ħaddiema kienu jinġabru flimkien għenet ħafna biex għaqdiet li jiddefendu lill-ħaddiema jiġu organizzati. Malli l-produzzjoni industrijali ma baqgħetx tirrekjedi dal-konċentrament, il-komunitajiet ta’ ħaddiema “qrib xulxin” iddgħajfu u magħhom is-solidarjetà bejniethom.

Għenu f’hekk l-impenn neo-liberali ta’ bosta gvernijiet li xorta kisbu suċċess elettorali. U l-globablizzazzjoni. Malajr, it-trejd unjins spiċċaw attivi l-aktar fis-setturi tal-gvern. Anke hawn madankollu, l-privatizzazzjoni ta’ ħidmiet governattivi serviet biex  tkompli ddgħajjef lill-unjins.

Uħud għadhom jgħidu li din kienet kisba kbira għax il-unjins ma baqgħux arma ta’ gwerra soċjali li kienet serviet biex jinqerdu l-impjiegi fl-Ewropa.

Diffiċli taqbel ma’ dil-fehma. Minkejja kull ma jintqal, kemm ilhom li naqsu l-militanza u s-saħħa soċjali tat-trejd unjins, id-dħul ras imb’ras tal-ħaddiema Ewropej staġna f’termini reali.

Ekonomija

Sport