Monday, May 13, 2024

Kunċett immirat li jagħti timbru ta’ inklussività għal miljuni ta’ persuni għomja 

Il-fundatur ta’ Visual non Visual b’viżjoni lejn soċjetà aktar sensittiva fil-konfront ta’ dawn il-persuni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Wieħed irid jifhem li b’diżabbiltà jew le, hemm soċjetà ta’ persuni li ma tikkomunikax viżwalment mal-ambjent ta’ madwarha. Allura l-ħtiġijiet u l-edukazzjoni biex aħna nkunu ta’ sapport uman għal din l-istess soċjetà jeħtieġ li jiddiversifika aktar”. Iddikjara dan il-fundatur tal-Organizzazzjoni Volontarja Visual non Visual Noel Farrugia.

Proprju ftit jiem ilu ġie ċelebrat il-Jum Internazzjonali li jfakkar persuni b’diżabbiltà u f’intervista ma’ Talk.mt Farrugia ma naqasx milli jispjegalna aktar dwar il-ħidma tiegħu ma’ persuni li ta’ kuljum jaffaċċjaw sfidi kbar biex jgħixu ħajja dinjituża. Mistoqsi minn fejn nistgħu nibdew, Farrugia qalilna li l-ewwel u qabel kollox irridu nindirizzaw il-verità.

“Ix-xjenza medika tistabilixxi li kwalunkwe moħħ ta’ persuna umana, 80 fil-mija tal-iżvilupp tiegħu jiddependi mill-viżta. Barra minn hekk, il-Ġnus magħquda tistabilixxi li fid-dinja kollha wara 100 sena ta’ kelb ta’ gwida (Guide dog) , 3 fil-mija biss jużaw dan it-tip ta’ servizz, u fil-każ tal-bastun (White Cane) huma biss 7 fil-mija fid-dinja”, spjega Farrugia filwaqt li ċċara li huwa stat ta’ fatt li ma jista jinnega ħadd li rridu naraw kif niddiversifikaw il-prodott inklużjoni soċjali bejn il-viżiv u dak li mhuwiex.

Kunċett li joffri għażla ċara lil aktar minn 300 miljun turist

Farrugia faħħar il-mod ta’ kif il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo laqa’ s-sejħa ta’ diskussjoni mal-Organizzazzjoni Volontarja u l-mod ta’ kif flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ġie mniedi l-proġett tal-Meet and Greet. Il-fundatur tal-Visual non Visual qalilna li hu kien ċar meta indirizza lill-Ministru l-ewwel darba u qallu li kien qiegħed ikun insensittiv meta jonfoq ir-reklamar tiegħu għal min jara għax ma kien hemm l-ebda kunċett li jattira turisti għomja. Kompla biex jgħid li persuna f’siġġu tar-roti, se jkollu rampa u se jaraha, iżda persuni għomja mhux qegħdin jintlaqtu bl-investiment fl-infrastruttura. 

“Irid ikollna nies apposta li persuni neqsin mid-dawl jiġu gwidati biex imorru l-gym, imorru fil-pool, imorru u jgawdu ristoranti b’mod liberu. Bdejna bil-lukanda Preluna għax proprju għandha waħda mill-isbaħ promenade li mhix aċċessibbli għal dawn il-perusni u hemm ukoll zebra crossing”, kompla biex jelabora Farrugia filwaqt li qal li l-ħsieb huwa li ninkoraġixxu lil aktar minn 300 miljun persuna madwar id-dinja li Malta għandha l-Meet and Greet. Dan il-proġett se jkun qiegħed joffri taħriġ lil persuni li ta’ kuljum, anke għax ma jafux mod ieħor, jitrattaw b’mod insensittiv lil dawn il-persuni għomja. Se tkun teżisti sticker li minnha xufier jista’ jinduna li se jkun qiegħed joffri servizz lil dawn il-persuni u għalhekk minflok joħdilhom il-bastun u jimbuttahom minn idejhom biex jimxu, jiggwidahom b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu trattati b’dinjità filwaqt li jaraw f’pajjiżna, il-post ideali għar-rikreazzjoni.

Edukazzjoni u taħriġ kontinwu

Rigward it-triq ’il quddiem, Farrugia qal li jeħtieġ li l-gvern jifhem aktar il-ħtieġa tal-edukazzjoni. Filwaqt li rikonoxxa l-kontribut tal-Ministru għat-Turiżmu u dak tal-Edukazzjoni li fl-aħħar ġimgħat laqgħu stediniet għal diskussjonijiet, huwa sostna li hemm bżonn li jkun hawn aktar bibien miftuħin għal dawn l-organizzazzjonijiet volontarji.

Huwa kien ċar li għal persuni li fil-qafas edukattiv irid ikun hemm strateġija hands on ta’ kuljum. Saħaq dwar il-prinċipju li persuni distinti jitilgħu f’dinja fejn il-kunċett tad-dinja lil hinn mid-dawl jitla magħhom. Huwa ġab l-eżempju bl-inawgurazzjoni ta’ proġetti kbar ta’ tisbiħ bil-kelliema jmorru għal frażijiet bħal “Ħarsu ftit madwarkom u ammiraw il-ġmiel … ”.

Konsegwenzi li jkarkru 

Farrugia qalilna wkoll li bħala organizzazzjoni Volontarja huma jħaddmu 24 siegħa kuljum mal-għomja u fosthom hemm tliet persuni li jaħdmu magħhom li jinkludu żagħżugħ ta’ 22 sena, wieħed li wara 27 sena li tilef id-dawl ma’ ħadem qatt u ieħor pensjonant li biex ikunu ta’ sostenn għall-anzjanità attiva ħadu din id-deċiżjoni li jkun inkluż. Hawnhekk huwa qalilna li ta’ kuljum huma jwettqu ħidma li mhux dejjem tkun milqgħuha mill-awtoritajiet. Minkejja dan huwa spjega li fost l-aħħar proposti, l-organizzazzjoni ressqet proposta quddiem il-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi rigward infrastruttura aktar sigura u nadifa fit-toroq tagħna. 

“Persuna għamja tibża’ toħroġ għax issib il-ħmieġ tal-klieb jew borża mifqugħa. Tibża’ li toħroġ, tirfes dan il-ħmieġ, tirkeb karozza, tmur ix-xogħol, tispiċċa u tirritorna f’darha u għadha qiegħda ġġorr dan il-ħmieġ ma kullimkien”, kompla biex jelabora Farrugia.

Soluzzjoni?

Bħala kamra tal-aħbarijiet nirċievu minn jaf kemm ilmenti minn persuni dwar traskuraġni, saħansitra fil-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida li warajha jkun hemm investiti eluf ta’ ewro, iżda x’jistgħu jkunu s-soluzzjonijiet? Farrugia qal li faċilment nieħdu l-eżempju tal-bliet, l-irħula u l-pjazez b’żebra crossings u traffic lights li baqgħu l-istess. Qal li fin-nofs dawn baqgħu b’xejn u l-bniedem li nieqes mid-dawl qed jibqa’ f’daru għax maħkum mill-biża’.

Qal li bniedem nieqes mid-dawl qiegħed ikollu jaffaċċja realtajiet ta’ biża’ bħalma huma li jwaqqa’ lil xi ħadd bil-bastun jew jibża’ li l-ħin biex jaqsam se jgħaddi u jispiċċa jlaqqat xi daqqa ta’ karozza. “Hawn kunċett ta’ insensittività li jeħtieġ li tiġi indirizzata. Ma jistax ikun li fi pjazza bniedem lanqas biss iħossu komdu jaqsam biex imur quddies il-Ħadd. Fejn jidħlu l-bankini, aħna bħala pajjiż b’densità għolja tal-popolazzjoni għandna sfidi infrastrutturali li ma tgħinx u jeħtieġ li biex nimxu ’l quddiem ma nistgħux nersqu bi proposta li ttejjeb dan ix-xkiel u jkollna naffaċċjaw atteġjament li jweħħel il-progress”, temm jgħid Farrugia.

Sport