Wednesday, July 24, 2024

Il-MIA jilqa’ aktar minn nofs miljun turist f’Novembru

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra 528,923 moviment tal-passiġġieri, ċifra li ssarraf f’żieda ta’ 7.2% fuq il-livelli tal-2019.

L-aktar jum impenjattiv tax-xahar, li ħabat mal-vaganzi ta’ nofs it-terminu tal-iskejjel, kien l-4 ta’ Novembru, meta għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta aktar minn 25,000 passiġġier.

Domanda qawwija għall-ivvjaġġar wasslet għal seat load factor (SLF) ta’ kważi 85%, li qabeż il-livelli tal-2019 b’6.8%.

L-Italja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja żammew posthom bħala l-aktar tlitt iswieq popolari. Min-naħa l-oħra, is-suq Franċiż ċeda postu lil dak Pollakk, b’dan tal-aħħar jerġa’ jikklassifika mal-aqwa ħamest iswieq tal-ajruport wara nuqqas ta’ seba’ xhur.

F’Novembru, 92% tal-postijiet disponibbli fuq titjiriet bejn seba’ destinazzjonijiet fil-Polonja u Malta kienu mimlija, persentaġġ li jixhed il-popolarità ta’ dan is-suq. Dan is-seat load factor għoli flimkien ma’ operat imtejjeb wasslu għal żieda ta’ 120% fin-numru ta’ passiġġieri li vjaġġaw minn u lejn il-Polonja meta mqabbel mal-2019.

Għalkemm is-suq Ġermaniż għadu jrid jirkupra l-livelli tal-2019, f’Novembru laħaq seat load factor li kien partikolarment għoli ta’ 90%.

Ekonomija

Sport