Wednesday, July 24, 2024

Mara maqtula minn kelb il-baħar jum biss wara li żżewġet

Aqra wkoll

Mara li kienet għadha kif iżżewġet inqatlet minn kelb il-baħar waqt li hi u r-raġel tagħha kienu qed jaqdfu fuq paddle boat fil-Baħamas. Il-mara, li ġiet identifikata bħala Lauren Erickson Van Wart, ta’ 44 sena, kienet ilha jum biss miżżewwġa.

Lauren Van Wart, editur tal-kotba, minn Boston, fl-Istati Uniti kienet fil-baħar mar-raġel tagħha f’inqas minn mil ‘l barra mill-lukanda ta’ ħames stilel Sandals Royal Bahamian fejn kienet alloġġjata.

Gwardja tal-baħar lemħet lil Lauren f’diffikultà fl-ilmijiet ’il barra minn Cable Beach, fil-punent ta’ New Providence Island, u ħarġet għaliha fuq dgħajsa biex tgħinha u ġġib lill-koppja lura lejn iix-xatt.

Is-servizzi ta’ emerġenza ippruvjaw jagħtuha n-nifs iżda  l-ġrieħi li sofriet kienu serji fin-naħa tal-lemin ta’ ġisimha, inklużi ġenba u riġel tal-lemin, u ma setgħetx tiġi salvata.

Lauren u r-raġel il-ġdid tagħha kienu fuq il-‘vjaġġ ta’ ħajjithom’ u kien ilhom jistennew bil-ħerqa din il-vaganza għal xhur sħaħ.

Rob Waldron, il-Kap Eżekuttiv ta’ Curriculum Associates fejn Lauren ħadmet bħala editur, qal li t-tim editorjali kollu kien imnikket għat-telfa ta’ kollega.

Lauren kienet imfaħħra għad-dedikazzjoni profonda tagħha fix-xogħol li kienet tagħmel. L-impenn tagħha għall-eċċellenza u x-xogħol eċċellenti kien iispirat minn skop ogħla, iffukat fuq it-titjib tar-riżultati tat-tagħlim għal kulħadd.

Ritratt li xxerdu fuq mezzi soċjali wrew il-katavru ta’ Lauren jinġieb lura lejn ix-xatt minn uffiċjali tas-sigurta’ qabel ma ttieħed f’ambulanza.

Madankollu l-ġrieħi li sofriet kienu gravi u kien impossibbli li tiġi salvata ħajjitha anki jekk s-servizzi mediċi ta’ emerġenza għamlu minn kollox iżda hi ma wriet l-ebda sinjali vitali tal-ħajja.

Għadu mhux magħruf x’tip ta’ kelb il-baħar attakka lil Lauren u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Filwaqt li attakki fatali tal-klieb il-baħar mhumiex komuni fil-Baħamas, mill-inqas żewġ attakki oħra ġew irrappurtati reċentement.

Fil-21 ta’ Novembru li għadda, mara Ġrmaniża ta’ 47 sena inqatlet minn kelb il-baħar waqt li kienet togħdos fl-ilmijiet ‘il barra minn West End, Grand Bahama. 

F’Settembru tal-2022, mara Amerikana ta’ 58 sena nqatlet ukoll f’attakk ieħor minn klieb il-baħar waqt li kienet qed fil-baħar mal-familja tagħha fl-ibħra ta’ New Providence.

Ekonomija

Sport