Wednesday, April 24, 2024

Il-każ ta’ Fenech dwar allegat xiri ta’ armi bl-internet jinstema’ fil-magħluq

Aqra wkoll

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia ddeċidiet li l-kawża kontra Yorgen Fenech dwar l-allegat xiri ta’ armi minn fuq id-dark web tinstema’ fil-magħluq.

Kienu l-Uffiċjali Prosekuturi li talbu biex dan iseħħ, minħabba s-sensittività tal-każ u x-xhieda li kienu jiffurmaw parti minnu. L-Avukati ta’ Fenech ma oġġezzjonawx għal din it-talba, bil-Qorti taqbel ukoll magħha. 

Din kellha tkun l-ewwel seduta b’rabta ma’ dan il-każ, wara li Fenech wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu tard ix-xahar li għadda.

Il-Prosekuturi qed jgħidu li għandhom evidenza li Fenech allegatament ipprova jixtri pistola, rifles, grenades u 800 balla minn fuq il-black market online, u allegatament ħallas għalihom bl-użu tal-Bitcoin. Jidher li ma hemm l-ebda evidenza li dawn l-armi qatt laħqu waslu Malta. 

Qed ikun allegat ukoll li Fenech ordna kimika tossika – potassium cyanide – online. Huwa allegatament għamel dawn l-ordnijiet fl-2018.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qiegħda titmexxa mill-Ispetturi Omar Zammit u Geoffrey Cutajar. L-Avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri qed jidhru għal Fenech. 

B’rabta ma’ każ ieħor, Yorgen Fenech kien ukoll tpoġġa formalment taħt Att ta’ Akkuża fejn mistenni li jgħaddi ġuri akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia lura f’Ottubru tal-2017.

L-istess Fenech, aktar kmieni din il-ġimgħa reġa’ tressaq il-Qorti, din id-darba mixli b’ħasil ta’ flus b’rabta mal-kumpanija tal-Gaming Glimmer Ltd.

Sport