Wednesday, April 24, 2024

“Il-każ ta’ Fino m’għandux itappan il-ħidma siewja tal-ħaddiema f’San Vinċenz”

Jo Etienne Abela – Ministru għall-Anzjanità Attiva.

Aqra wkoll

“Saħħaħna u se nkomplu nsaħħu s-sistema tas-sigurtà biex tingħata protezzjoni sħiħa lil kull anzjan u anzjana. Dawn tal-aħħar ħaqqhom kull dinjità u ħarsien ġaladarba qegħdin f’din ir-residenza.”

Stqarr dan il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela f’intervista li saritlu minn dan is-sit dwar l-inkjesta interna li saret b’rabta mal-għajbien ta’ Carmelo Fino mir-residenza San Vinċenz de Paul fil-lejl tat-28 ta’ Ġunju. 

Il-Ministru Abela sostna li dan l-inċident m’għandux itappan it-tajjeb li jsir ta’ kuljum mill-ħaddiema li jagħmlu xogħol siewi ħafna filwaqt li jagħtu mħabba kbira lejn dawn ir-residenti. “Anzi nasal biex ngħid li wieħed għandu japprezza aktar ix-xogħol li jagħmlu l-infermiera għax hu ferm importanti,” sostna l-Ministru għall-Anzjanità Attiva. 

Huwa sostna li: “ġejt mgħarraf li wara din l-inkjesta indipendenti li saret, ġew sospiżi seba’ impjegati speċjalment dawk li wrew sens kbir ta’ negliġenza meta dak il-ħin kienu xogħol.”

“Dan kollu seħħ wara li l-Imħallef Valenzia kellu ħames sessjonijiet ma’ 16-il ħaddiem li jinkludu dawk li ġejjin mis-settur maniġerjali filwaqt li nstemgħu stqarrijiet ta’ xi ħaddiema li kienu kontradittorji għal dak li joħroġ mill-filmati tas-sigurtà.”

Fil-fatt, Carmelo Fino deher fis-sistema tas-sigurtà fit-tlieta neqsin kwart ta’ filgħodu ħiereġ mir-Residenza. Hu kien jinsab f’sala miftuħa fejn kien hemm 34 resident li magħhom, skont kif jgħid ir-regolament, kien hemm erba’ ħaddiema.

Wara dawn ir-riżultati, l-Onorevoli Abela qal li kellhom jittieħdu miżuri temporanji ta’ sigurtà akbar fir-residenza ħalli jkun assigurat li ma jseħħux inċidenti simili. “Dawn il-miżuri kienu meħtieġa f’dak il-mument sabiex inħarsu s-saħħa u s-sigurtà tagħhom.”

L-Onorevoli Abela qal li l-Ministeru tiegħu ħa dan il-każ b’serjetà kbira speċjalment fid-dawl ta’ xi ħaġa li qatt ma kellha tiġri.

F’aktar dettalji dwar l-inkjesta, kien stabbilit li kellu jkun hemm aktar komunikazzjoni bejn it-tmexxija u l-ħaddiema. Kien hawnhekk li l-Ministru Jo Etienne Abela rrefera għas-sistema teknoloġika tat-tagging li jagħti aktar sigurtà filwaqt li jiġi lokalizzat l-individwu partikolari li hu resident ta’ San Vincenz de Paul.

“Qed nikkunsidraw li r-residenti jkollhom sistema ta’ tagging u tracing ħalli jkun magħruf fejn ikunu marru flimkien ma’ analiżi kontinwa tagħhom biex issir evalwazzjoni b’mod aktar preċiż kemm għandu jkun fdat fuq barra tar-residenza.”

Madankollu Jo Etienne Abela qal li wieħed ma jistax jimponi din is-sistema ta’ tagging lir-residenti minħabba li skont il-libertajiet u d-drittijiet tal-bniedem, dawn għandhom jagħżlu huma jekk jaċċettawhiex jew le. Anke l-qraba kapaċi joġġezzjonaw u għalhekk wieħed irid iħalli lil dak li jkun jagħżel hu x’għandu jsir.

Il-Ministru Abela sostna li bħalissa f’San Vinċenz hawn jgħixu madwar 1,500 resident u mijiet ta’ ħaddiema li jindokrawhom.

Sadanittant Abela żvela li r-rapport tal-inkjesta ngħata lill-ogħla awtoritajiet ta’ San Vinċenz de Paul biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet u lill-Kummissarju għall-Anzjanità flimkien mal-Awtorita tal-Istandards u l-Kura Soċjali ħalli jassiguraw is-sigurtà meħtieġa waqt l-ispezzjonijiet li jsiru.

Din is-sigurtà se tissaħħaħ dejjem aktar b’aktar uffiċjali u blokok li se jkunu qed jingħataw attenzjoni partikolari sabiex inċident bħal dan ma jerġax jiġri.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Pulizija qalet li riżultati tad-DNA kkonfermaw li l-katavru li nstab fil-15 ta’ Lulju fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa huwa dak ta’ Carmelo Fino.

L-analiżi foresiċi permezz tat-testijiet tad-DNA kienu meħtieġa minħabba li l-katavru nstab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni u ma setax jiġi identifikat mill-ewwel. 

Mill-awtopsja li kienet saret irriżulta li ma kienx hemm l-involviment ta’ terzi persuni u l-mewta mhix waħda suspettuża. 

Lil hinn minn dan, saqsejna lil Jo Etienne Abela dwar il-viżjoni tal-Gvern fejn għandu x’jaqsam l-anzjanità attiva.

“Biex inkun qed ngħidu kollox, ir-residenza San Vinċenz de Paule tmur kontra l-idea ta’ anzjanità attiva minħabba li nisħqu ħafna li l-anzjan jew l-anzjana tibqa’ attiva fil-komunità. Forsi tisma’ dik il-quddiesa ta’ filgħodu, tmur tixtri għand il-ħanut tal-merċa, iddur u titkellem fil-ġonna u l-pjazez tagħna filwaqt li tagħti dak il-kontribut lejn raħal twelidha.”

Abela qal li bħala Ministeru għall-Anzjanità Attiva, iħeġġu lill-anzjani biex kemm jista’ jkun jibqgħu ġo darhom bir-residenza San Vinċenz de Paule li tkun l-aħħar soluzzjoni possibbli. Fl-istess waqt id-Day Care Centres qed jaqdu rwol importanti għax jilqgħu anzjani li joqogħdu hemm għal ċerti sigħat u li jħeġġeġ ħafna l-attività bl-organizzazzjoni ta’ diversi proġetti li huma jibbenefikaw minnhom.

“Bħala Gvern qed ngħinu sabiex l-anzjani ġo darhom jkollhom dak kollu li għandhom bżonn. Ilna sew li nedejna l-Meals on Wheels li tant hi popolari u li ndrat minn kulħadd. Tajjeb li ngħidu li l-Irlanda, li għandhom popolazzjoni bil-wisq iktar minna, daħlu din is-sistema’ riċentement.”

“Il-Gvern jgħin u jissusidja wkoll lill-anzjani li jħallsu parti mill-pensjoni tagħhom sabiex ikollhom care worker. Barra minn hekk investejna wkoll ammont kbir ta’ flus fuq trasport fi 13-il reġjun u 23 servizz ieħor mill-AACC (Active Ageing and Community Care) biex il-ħajja tal-anzjani tagħna tkun dejjem aktar komda.”

Sport