Monday, May 13, 2024

Il-KE tbassar li Malta se jkollha l-ikbar tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi kollha tal-UE

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea fit-tbassir ekonomiku tagħha għall-ħarifa qalet li qed tbassar li Malta se jkollha tkabbir ekonomiku ta’ erba’ fil-mija u l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea fis-sentejn li ġejjin.

Fl-istess tbassir il-KE qalet li minħabba żieda fl-inflazzjoni u tnaqqis fl-investiment kien hemm tnaqqis żgħir fil-konsum privat. Iżda l-Kummissjoni qiegħda ssostni li t-tkabbar ekonomiku ta’ Malta se jibqa’ wieħed b’saħħtu ħafna fuq livell ta’ 4% fl-2024 u ta’ 4.2% fl-2025.

Ġie nnutat li dan kollu qed ikun posibbli bil-miżuri li qiegħed jieħu l-Gvern fosthom li qiegħed jagħti garanzija li l-prezzijiet tal-enerġija se jibqgħu stabbli sal-2024.

Dwar l-inflazzjoni, it-tbassir tal-Ħarif jgħid li Malta se jkollha rata ta’ 5.3% din is-sena filwaqt li fl-2024 din ir-rata se tinżel għal 3.3% filwaqt li fl-2025 Malta jkollha rata ta’ inflazzjoni ta’ 3.1%.

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tbassar ukoll li d-defiċit mistenni jonqos minn 5.7% tal-Prodott Gross Domestiku fl-2022 għal 4.1% fl-2025. Dwar id-dejn pubbliku r-rapport qiegħed ibassar li dan se jkun ta’ 57% tal-Prodott Domestiku Gross.

Sport