Thursday, April 18, 2024

Il-KOI irid jiftaħ il-bieb għar-Russi u l-Belarussi għall-Olimpjadi 2024 ta’ Franza

Aqra wkoll

Teżisti possibbiltá kbira li atleti Russi u Belarussi se jkunu liberi li jikkompetu bħala newtrali fl-Olimpjadi tal-2024 wara li l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qal li se “jesplora triq ġdida” għall-parteċipazzjoni tagħhom.

Il-KOI appella lill-federazzjonijiet biex jeskludu atleti mill-pajjiżi wara l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna.

Din il-ġimgħa l-president tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li l-atleti Russi m’għandhomx ikollhom “post” fil-Logħob ta’ Pariġi.

Iżda l-istqarrija tal-KOI kienet tgħid mod ieħor li teżisti possibbiltá għal ritorna għalihom. 

L-istqarrija kienet tgħid li “l-ebda atleta m’għandu jiġi pprevenut milli jikkompeti biss minħabba l-passaport tiegħu”.

Il-mossa ġiet ikkritikata fi stqarrija konġunta mill-Federezzjoni tal-Atleti tal-Ukrjana u  l-assoċjazzjoni tal-atleti Global Athlete.

L-istqarrija qalet li d-deċiżjoni turi li l-KOI “japprova l-gwerra brutali tar-Russja u l-invażjoni tal-Ukrajna”.

“Ir-ritorn tal-atleti Russi u tal-Belarus għall-kompetizzjoni internazzjonali, speċjalment il-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi tal-2024, se jara lill-istat Russu juża l-atleti għal darb’oħra biex isaħħaħ l-isforz tal-gwerra u jkompli bl-atroċitajiet fl-Ukrajna,” żiedet l-istqarrija.

Il-KOI qal li l-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni, li tkun tinkludi wkoll avvenimenti ta’ kwalifiki, tkun teħtieġ li l-atleti jieħdu sehem bħala newtrali “u bl-ebda mod ma jirrappreżentaw l-istat tagħhom jew xi organizzazzjoni oħra f’pajjiżhom”.

L-atleti ma jridux ikunu “aġixxew kontra l-missjoni ta’ paċi tal-KOI billi appoġġaw b’mod attiv il-gwerra fl-Ukrajna”.

Il-President Thomas Bach qal f’Diċembru li l-KOI iffaċċja “dilemma kbira” biex jiżgura li l-atleti ma jbatux bħala riżultat ta’ sanzjonijiet sportivi.

Bosta kienu dawk il-federazzjonijiet sportivi li njoraw ir-rakkomandazzjoni tal-KOI u ppermettew li atleti individwali jikkompetu bħala newtrali iżda oħrajn opponew din l-idea.

Żewġ tennisti tal-Belarus, Victoria Azarenka u Aryna Sabalenka, jistgħu jiltaqgħu fil-finali tas-singles tan-nisa tal-Open tal-Awstralja fi tmiem il-ġimgħa. It-tnejn qed jikkompetu bħala newtrali.

Il-Lawn Tennis Association ġiet immultata £820,000 talli ssospendiet players Russi u Belarussi mill-avvenimenti tat-tennis tas-sajf li għadda, inkluż it-tournament ta’ Wimbledon.

Ekonomija

Sport