Wednesday, April 24, 2024

INDUSTRIJA TAL-FILMS B’SAĦĦITHA

Aqra wkoll

Industrija li kulma jmur qed tkompli tikber f’pajjiżna u li minnha jgawdi l-pajjiż kollu billi qiegħda tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku hija dik tal-films.

Industrija li qiegħda tħalli riżultati pożittivi, anki f’dak li huwa immaġni ta’ pajjiżna bħala ċentru għal produzzjonijiet ċinematografi. Fil-fatt, is-sena li għaddiet jirriżulta li kienet waħda rekord fil-films.

Is-sena l-oħra kienet ukoll l-aqwa waħda f’għaxar snin. B’kollox fl-2022 kien hemm 24 produzzjoni barranija u Maltija li nġibdu ġewwa pajjiżna u ħaddmu fihom xejn inqas minn 900 persuna Maltija u aktar minn 1,000 barrani. Bejniethom dawn il-produzzjonijiet iġġeneraw mal-€85 miljun.

Wieħed ma jistax ma jirrikonoxxix dawn ir-riżultati sinifikanti, anke fl-isfond li s-sena li għaddiet konna għadna ħerġin minn pandemija li magħha ġabet diżastru ekonomiku kullimkien. Minkejja kollox, din l-industrija baqgħet waħda b’saħħitha hekk kif aktar produtturi barranin fittxew lil Malta għall-produzzjonijiet tagħhom. Dan ukoll għax pajjiżna joffri faċilitajiet eċċellenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha għall-ġbid tal-films.

Dan huwa dovut ukoll għar-reklamar li qed isir lil hinn minn xtutna dwar Malta. Ninnotaw b’sodisfazzjon li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, il-Gvern se jkun qiegħed jimbarka fuq kampanja ta’ reklamar flimkien mal-Kummissjoni Maltija għall-Films, li se jwassal sabiex nagħmlu lil pajjiżna aktar attraenti u b’hekk naraw aktar produzzjonjiet li jagħżlu lil pajjiżna.

Però x’inhu l-pass li jmiss f’din l-industrija? Il-fatt li f’dawn l-aħħar snin pajjiżna kompla jattira aktar produzzjonijiet, dan irrikjeda li jkollna aktar riżors uman imħarreġ f’dan il-qasam. Biex tilħaq dan il-għan, il-Kummissjoni Maltija tal-Films għamlet diversi sejħiet għal dawk interessati li jidħlu f’din l-industrija li qed tkompli tikber.

Dan sabiex tinbena industrija li tkun waħda sostenibbli u bbażata fuq karrieri fejn ikun hawn opportunitajiet għal kulħadd. Fil-fehma tagħna, nemmnu li din l-industrija trid tkompli timraħ lil hinn mir-riżultati miksuba s’issa sabiex ikun hemm il-garanzija tax-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi.

Bl-investiment li qed isir f’dak li huwa taħriġ tan-nies u kif ukoll immodernizzar tal-faċilitajiet, anke permezz tat-twettiq tal-master plan tal-Malta Film Studios u l-bini ta’ soundstage fil-Kalkara, nemmnu li din l-industrija għandha futur sabiħ quddiemha.

Sport