Saturday, December 21, 2024

Il-kokaina u l-Khat l-aktar żewġ drogi maqbuda mill-Pulizija din is-sena

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-aktar tip ta’ droga li nqabdet mill-Pulizija matul din is-sena kienet il-kokaina. Fil-fatt, fl-ewwel seba’ xhur tas-sena, il-Pulizija qabdet 747.80 kilogrammi kokaina, liema ammont huwa simili għal dak li kien irreġistrat fl-2019.

Wara l-kokaina, wieħed isib id-droga Khat li bejn Jannar u Lulju 2021 inqabdu b’118-il kg ta’ din is-sustanza projbita u meqjusa bħala stimulant perikoluż. Din kienet l-ewwel darba f’dawn l-aħħar erba’ snin fejn f’pajjiżna nstabet din it-tip ta’ droga, li tintuża l-aktar f’pajjiżi Afrikani u l-peninżula Għarbija. 

Barra minn hekk, fl-ewwel seba’ xhur tas-sena nstabu wkoll 36.84 kg kannabis grass, 20.31 kg raża tal-kannabis, 1.08 kg drogi sintetiċi skedati, 56 gramma eroina u 11-il gramma kokaina crack, 7.2 litri ta’ żejt CBD u sitt kontenituri żgħar b’estratt tal-kannabis.

Dan it-tagħrif ingħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri fi tweġiba għal mistoqsija li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Il-Ministru Camilleri spjega wkoll li l-ammont ta’ qabdiet ta’ droga reġistrati mit-Taqsima Kontra d-Droga tal-Korp tal-Pulizija tinkludi wkoll każi ta’ qabdiet li ġew referuti lilha mid-Dipartiment tad-Dwana.

Sadanittant, matul is-sena li għaddiet, meqjusa bħala s-sena tal-pandemija, il-Pulizija qabdet xejn inqas minn 524 kg kokaina, 151 kg kannabis grass, 1.85 kg eroina, 2 kg drogi sintentiċi skedati, 361 gramma raża tal-kannabis u 127 gramma kokaina crack.

Fis-sena 2019, inqabdu 747.28 kg kokaina, 389 kg kannabis grass, 118-il kg raża tal-kannabis, 3 kg droga sintentika skedata, 994 gramma eroina, 148 gramma ecstasy, 50 gramma kokaina sintetika, 29 gramma trab MDMA, 29 gramma kokaina crack u 71 gramma ketamina.

Meta mqabbel ma’ dawn l-aħħar tliet snin, it-tendenzi f’dawk li huma qabdiet ta’ droga mill-Pulizija kienu ferm differenti għas-snin 2017 u 2018. Dan hekk kif l-aktar tip ta’ droga maqbuda mill-pulizija f’dawn is-sentejn kienet il-kannabis.

Fl-2017, il-Pulizija qabdet b’591 kg raża tal-kannabis, 322 kg kokaina, 193 kg kannabis grass, 13-il kg eroina, 1 kg trab sintetiku, 19-il gramma MDMA u 4 grammi ketamina. 

Min-naħa l-oħra, fl-2018 inqabdu 17-il tunnellata raża tal-kannabis, 584 kg kannabis grass, 187 kg kokaina, 4.83 kg eroina, 368 gramma ecstasy, 97 gramma trab MDMA u 22 gramma kokaina crack.

Ekonomija

Sport