Wednesday, January 22, 2025

Il-Kollezzjoni Annwali tal-Ħwejjeġ ta’ Nestlé Malta tiġbor mijiet ta’ ħwejjeġ tal-irġiel għall-karità

Aqra wkoll

Nestlé Malta kkonkludiet b’suċċess il-ħames edizzjoni tal-Clothes Collection Drive Annwali tagħha, bl-edizzjoni ta’ din is-sena tiffoka fuq il-ġbir ta’ ħwejjeġ tal-irġiel. Matul ix-xahar ta’ Novembru, il-kumpanija, flimkien mal-pubbliku, ġabru total ta’ 1,112-il kilogramma ta’ ħwejjeġ tal-irġiel nodfa. Dawn il-ħwejjeġ se jingħataw lill-Fonazzjoni Inspire u MSPCA, NGOs lokali li se jużaw il-ħwejjeġ biex ibigħuhom fil-ħwienet tagħhom u b’hekk ikomplu jsostnu l-missjoni tagħhom. 

Barra minn hekk, Nestlé Malta tat id-doppju ta’ dan il-piż, jiġifieri aktar minn żewġ tunnellati, fi prodotti Nestlé lill-Foodbank Lifeline Foundation. Din id-donazzjoni tappoġġja l-ħidma imprezzabbli tal-Foodbank biex tiżgura li individwi u familji li qed jiffaċċjaw tbatija jkollhom aċċess għal provvisti ta’ ikel essenzjali fi żmien qasir, filwaqt li jaħdmu lejn soluzzjonijiet aktar sostenibbli. Il-Foodbank Lifeline Foundation tapprezza ħafna t-twassil tad-donazzjonijiet miġbura direttament fl-imħażen tagħhom ġewwa l-Marsa, speċjalment matul l-istaġun tal-festi.

F’kumment dwar is-suċċess tal-inizjattiva, Anita Olton, Corporate Communications Manager ta’ Nestlé Malta, qalet, “Aħna grati għar-rispons qawwi mill-komunità u l-impjegati tagħna. L-enfasi ta’ din is-sena kienet fuq il-ġbir tal-ħwejjeġ tal-irġiel biex b’hekk nindirizzaw ħtieġa speċifika li l-NGOs qed jitolbu, filwaqt li niżguraw li l-kontribuzzjonijiet tagħna jkollhom impatt dejjiemi permezz tad-donazzjonijiet tal-ikel lill-Foodbank.”

Sa mit-tnedija tagħha fl-2020, il-Clothes Collection Drive saret xhieda ewlenija tal-ġenerożità u l-kompassjoni tal-komunità Maltija. Kull sena, individwi, familji u komunitajiet tan-negozju jingħaqdu flimkien biex jagħtu donazzjoni tal-ħwejjeġ, jgħinu lil dawk fil-bżonn u jagħmlu differenza tanġibbli. Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn mill-qalb tal-komunità u d-dedikazzjoni ta’ Nestlé Malta biex trawwem l-għarfien u l-appoġġ permezz tar-responsabbiltà soċjali korporattiva.

Il-Clothes Collection Drive tibqa’ element ewlieni tal-inizjattivi usa’ tar-responsabbiltà soċjali korporattiva ta’ Nestlé Malta, li tikkontribwixxi kemm għall-isforzi tal-karità lokali kif ukoll għall-prattiki ambjentali sostenibbli. Is-suċċess tal-inizjattiva ta’ din is-sena tenfasizza l-qawwa tal-azzjoni kollettiva fl-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà.

Sport