Il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied f’Gaża bejn l-Iżrael u l-Ħamas deher li se jkun imqalleb sa minn meta daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar. Issa jidher li wasal qrib ħafna li jikkollassa għal kollox. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni tensa, il-medjaturi reġjonali, l-Eġittu u l-Qatar, intensifikaw l-isforzi diplomatiċi tagħhom f’tentattiv biex isalvaw il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied milli jisfaxxa.
Delegazzjoni tal-ogħla livell tal-Ħamas waslet il-Kajr għal taħditiet biex tiġi limitata l-kriżi attwali, skont ma qal uffiċjal tal-Ħamas. Huwa tenna l-“impenn sħiħ” tal-grupp tiegħu għat-termini tal-ftehim.
Nhar it-Tlieta, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li jekk il-Ħamas ma jirritornax l-ostaġġi Iżraeliti sa nhar is-Sibt li ġej f’nofsinhar, il-waqfien mill-ġlied jintemm u l-militar Iżraeljan jerġa’ jibda ġlied intens.
Madankollu, kien hemm messaġġi mħallta dwar jekk hux ifisser is-76 ostaġġ kollha li għadhom f’Gaża – f’konformità mal-ultimatum rakkomandat mill-President Amerikan Donald Trump. Trump kien qed jirreaġixxi għal theddida tal-Ħamas li jneħħi l-ftehim nhar it-Tnejn.
Il-Ħamas ilmentat dwar ksur minn Iżrael tal-ftehim tal-waqfien mill-ġlied, b’mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna, u wissiet li se tittardja l-ħelsien tal-ostaġġi għal nhar is-Sibt.
Fil-ġimgħa li għaddiet, il-pjan radikali l-ġdid tal-president Amerikan Trump għat-teħid tal-pussess ta’ Gaża mill-Istati Uniti – mingħajr iż-żewġ miljun residenti Palestinjani tagħha – biddel ukoll il-kuntest tal-waqfien mill-ġlied li l-amministrazzjoni tiegħu stess għenet biex dan jintlaħaq.
Nhar l-Erbgħa li għadda, il-White House iddikjarat mill-ġdid il-pjan ta’ Trump għat-teħid ta’ Gaża, filwaqt li ammettiet li r-Re tal-Ġrdan Abdullah II kien ċaħad l-idea waqt taħditiet f’Washington jum qabel.
Ir-re Abdullah jippreferi ħafna li l-Palestinjani jibqgħu f’posthom, imma l-president Trump iħoss li jkun ħafna aħjar u aktar majestuż jekk dawn il-Palestinjani jistgħu jiġu mċaqalqa lejn żoni aktar sikuri.
Intant, wara li messaġġ bil-vidjo tal-Prim Ministru Iżraeljan talab il-ħelsien tal-ostaġġi, l-ewwel rapporti jikkwotaw b’mod anonimu uffiċjal għoli Iżraeljan li dan jirreferi għat-tliet ostaġġi rġiel oriġinali skedati biex jinħelsu.
Intqal li l-Iżrael stenna li jiġu meħlusa l-aħħar disa’ ostaġġi fl-ewwel fażi ta’ sitt ġimgħat tal-waqfien mill-ġlied, li suppost se jara total ta’ 33 priġunier mogħtija l-ħelsien u ritornati lejn djarhom.
Il-Ministru tal-Finanzi, tal-lemin estrem Iżraeljan Bezalel Smotrich – li hedded li jitlaq mill-koalizzjoni ta’ Netanyahu jekk ma jkunx hemm ritorn għall-ġlied fi tmiem il-ftehim ta’ sitt ġimgħat għal waqfien mill-ġlied kompla jikkomplika aktar is-sitwazzjoni.
Fuq il-midja soċjali, huwa ppropona li l-Ħamas għandu għażla li jew jeħles lill-ostaġġi kollha jew inkella jinfetħu kontrieh “il-bibien tal-infern”, u ma titħalla tidħol f’Gaża l-ebda fjuwil, ilma jew għajnuna umanitarja.
Il-kummenti ta’ Smotrich jindikaw ċar kif il-viżjoni ta’ Trump għal wara l-gwerra ta’ Gaża saħħet il-lemin estrem f’Iżrael.
Dan jingħad li jinkwieta lill-kapijiet tas-sigurtà Iżraeljani li nnegozjaw il-ftehim attwali ta’ waqfien mill-ġlied u jemmnu li l-kollass tiegħu se jipperikola l-ħajjiet tal-ostaġġi li fadal.