“Il-konservazzjoni tal-ilma hija responsabbiltà konġunta taċ-ċittadini kollha u għalhekk irridu naħdmu flimkien biex niżguraw is-sostenibbiltà ta’ din ir-riżorsa naturali daqstant importanti,” saħqet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli waqt il-ftuħ tal-ewwel Konferenza Nazzjonali tal-Ilma f’Malta.
Il-konferenza, li ttellgħet mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, iddiskutiet l-immaniġġjar tal-ilma f’Malta, hekk kif ix-xahar id-dieħel tiġi fi tmiemha l-konsultazzjoni pubblika dwar it-tielet River Basin Management Plan (RBMP), li qed issir bħalissa b’kollaborazzjoni mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Il-Ministru Dalli saħqet fuq l-importanza ta’ azzjoni kollettiva fl-implimentazzjoni tat-tielet RBMP. Hija spjegat li dan il-pjan ser ikompli jibni fuq il-progress li sar fl-aħħar snin, filwaqt li jiżgura li l-immaniġġjar u l-konservazzjoni tal-ilma f’Malta verament jagħmlu qabża sostenibbli ’l quddiem.
“Lil hinn mill-abbozzar tal-pjanijiet, il-Gvern qed iwiegħed impenn bla waqfien biex niżguraw l-implimentazzjoni tiegħu. Azzjoni effettiva għall-konservazzjoni tal-ilma minn dawk kollha konċernati hija element essenzjali tal-viżjoni tagħna għal futur iktar sostenibbli,” sostniet il-Ministru Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano ddiskuta l-importanza tal-Water Energy Food Ecosystems Nexus fl-ippjanar tar-River Basin Management. “L-integrazzjoni ta’ dan in-nexus fil-politika tal-ilma tiżgura l-iżvilupp ta’ strutturi t’implimentazzjoni aktar komprensivi, b’rabtiet b’saħħithom ma’ setturi assoċjati mal-ilma, u b’hekk jiġu żgurati miri aktar b’saħħithom u sostenibbli.”
Il-konferenza ddiskutiet uħud mill-azzjonijiet proposti fl-RBMP, inkluż iż-żieda fil-produzzjoni tan-New Water u l-estensjoni tan-netwerk tad-distribuzzjoni tiegħu. “Dan l-investiment se jiżgura li t-talbiet tal-ilma mis-settur agrikolu jiġu milħuqa b’mod effiċjenti u sostenibbli,” spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia.
Azzjonijiet oħra importanti msemmija bħala parti mill-RBMP kienu r-riforma tar-regolamenti dwar l-estrazzjoni tal-ilma tal-pjan, li ġew ippreżentati għall-konsultazzjoni pubblika f’white paper f’Novembru li għadda. Din ir-riforma ser tipproteġi b’mod effettiv l-ilma tal-pjan bħala sors affidabbli ta’ ilma għall-futur.
Il-konferenza ddiskutiet ukoll faċilitajiet ta’ monitoraġġ biex tifhem u tbassar aħjar il-kwalità tal-ilma tal-pjan. Wieħed minn dawn il-metodi huwa l-ikkummissjonar ta’ qafas ġdid ta’ monitoraġġ idroloġiku, li jipprovdi wkoll kapaċità ta’ twissija bikrija fl-impatt tat-tibdil fil-klima.
Għal aktar informazzjoni fuq l-RBMP u l-konsultazzjoni pubblika li għaddejja bħalissa żur