Saturday, May 4, 2024

“Il-konsumatur Malti m’għandux iħallas prezzijiet ogħla minħabba l-Brexit”

Il-MPE Alex Agius Saliba jitlob lill-KE biex timmitiga ż-żidiet fil-prezzijiet minħabba l-Brexit

Aqra wkoll

Il-konsumatur Malti m’għandux iħallas prezzijiet ogħla minħabba l-Brexit. F’taħditiet mal-MPE Laburista Alex Agius Saliba, l-importaturi lokali u l-konsumaturi qajmu t-tħassib tagħhom dwar iż-żidiet fil-prezzijiet wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea f’Jannar 2020. Fi djalogu miftuħ mal-partijiet ikkonċernati, il-MPE Agius Saliba għaraf it-tħassib tagħhom dwar l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet u t-teknikalitajiet li wasslu għal tali żidiet.

Il-Ftehim ta’ kummerċ ħieles milħuq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit għandu — fit-teorija — jippermetti l-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi mingħajr ebda xkiel jew spejjeż miżjuda. Madankollu, ir-realtajiet attwali li jiffaċċjaw l-importaturi lokali huma ħafna differenti, u ħafna jispiċċaw iħallsu tariffa ta’ 16.9 % — anke fuq prodotti li kienu magħmula fl-Unjoni Ewropea, esportati lejn ir-Renju Unit, u mbagħad importati lejn Malta. Il-merkanzija importata trid tissodisfa kriterji stretti dwar ir-regoli tal-oriġini biex tkun eliġibbli għal eżenzjoni mit-tariffi, filwaqt li l-esportatur irid jagħti prova li sehem imdaqqas tal-valur tal-prodott (normalment madwar 50 %) ġie prodott fl-Unjoni Ewropea jew f’pajjiż ieħor li miegħu l-Unjoni għandha ftehim ta’ kummerċ ħieles, bħar-Renju Unit. Id-daqs żgħir ta’ Malta ma jagħmilhiex vijabbli għall-importaturi li jakkwistaw il-prodotti involuti direttament mill-pajjiż tal-oriġini, u għalhekk jintużaw rabtiet fit-tul mal-fornituri tar-Renju Unit biex jakkwistaw il-kwantitajiet żgħar meħtieġa għas-suq lokali.

Id-determinazzjoni tar-regoli tal-oriġini tista’ tkun proċess kumpless u burokratiku f’xi każijiet. Huwa stmat li madwar 32 % tal-kumpaniji tar-Renju Unit ma jafux jekk il-prodotti tagħhom jissodisfawx dawn ir-regoli jew le. Xi drabi l-manifatturi jistgħu jqisu li ma jkunx jaqblilhom jgħaddu mill-burokrazija miżjuda meħtieġa biex jiġi ppruvat li l-prodotti tagħhom huma eliġibbli għal eżenzjoni mit-tariffi. Dan huwa speċjalment il-każ għall-manifatturi mingħajr klijentela tal-esportazzjoni wiesgħa madwar l-Unjoni Ewropea. Malta tista’ tkun l-uniku klijent tal-esportazzjoni f’xi każijiet, b’mod partikolari l-oġġetti tal-ikel. Il-prodotti tar-Renju Unit xi drabi huma ppreferuti fuq prodotti simili magħmula fl-Unjoni Ewropea minħabba d-drawwiet li ilhom jeżistu mill-passat kolonjali ta’ Malta, u kif ukoll minħabba l-lingwa komuni tagħna, fejn huwa ħafna aktar faċli għall-konsumaturi Maltin li jifhmu tikketta miktuba bl-Ingliż minn waħda miktuba b’lingwa oħra tal-Unjoni Ewropea.

Din il-kwistjoni dalwaqt se tirrepeti ruħha għall-karozzi elettriċi, li mis-sena d-dieħla jridu jsiru 45 % fl-Unjoni Ewropea biex ikunu eliġibbli għall-eżenzjoni mit-tariffi. F’dan il-każ, il-preferenza ta’ Malta għall-karozzi tar-Renju Unit ġejja mill-fatt li ż-żewġ pajjiżi jsuqu fuq l-istess naħa tat-triq.

Kif spjega l-MPE Alex Agius Saliba, “Din l-anomalija qed twassal għal dak li nsejjaħ taxxa tal-Brexit, li mhijiex qed titħallas minn dawk li għażlu li joħorġu mill-Unjoni Ewropea iżda mill-konsumatur Malti, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna”. Il-MPE Laburista Agius Saliba talab lill-Kummissjoni Ewropea ssib soluzzjoni ġusta għaċ-ċirkostanzi uniċi li qed tiffaċċja Malta biex tiżgura li l-Brexit ma jsirx piż fuq il-konsumaturi Maltin.

Sport