Friday, May 17, 2024

Il-Korea ta’ Fuq possibbilment wettqet l-ikbar test mill-2017 ’il hawn

Aqra wkoll

Il-Korea ta’ Fuq wettqet dak li qiegħed ikun ikkunsidrat bħala l-ikbar test fuq missili mill-2017 ’il hawn. It-test jidher li sar fuq missila ta’ distanza intermedja li laħqet altitudni ta’ 2,000km qabel niżlet fil-Baħar tal-Ġappun. Il-Ġappun, il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti lkoll ikkundannaw dan it-test li huwa s-seba’ wieħed li sar matul dan ix-xahar.

In-Nazzjonijiet Uniti tipprojbixxi lill-Korea ta’ Fuq milli tagħmel testijiet fuq missili ballistiċi u armi nukleari, u dwar dan kienet imponiet sanzjonijiet stretti ħafna. Iżda minkejja dan, Pyongyang ta’ sikwit tinjora din il-projbizzjoni u saħansitra fil-bidu ta’ Jannar il-mexxej Kim Jong-un kien wiegħed li se jsaħħaħ bil-qawwa id-difiża tal-pajjiż. L-esperti jemmnu li jista’ jkun hemm numru ta’ raġunijiet għaliex il-Korea ta’ Fuq żiedet sostanzjalment it-testijiet militari tagħha.

L-ewwel raġuni hija turija ta’ saħħa kemm globali u anke reġjonali. It-tieni raġuni tista’ tkun li Kim Jong-un qiegħed ipoġġi pressjoni fuq l-Istati Uniti biex din terġa’ tissokta bid-diskussjonijet dwar il-programm nukleari liema diskussjonijiet ilhom staġnati numru ta’ xhur. It-tielet raġuni tista’ tkun li l-Korea ta’ Fuq qiegħda tagħmel testijiet fuq sistemi ġodda li żviluppaw l-inġiniera u l-militar tagħhom. 

Iż-żmien li fih qegħdin isiru dawn it-testijiet ukoll fih x’tifhem. Dan hekk kif it-testijiet qed isiru ftit jiem biss qabel jibdew l-Olimpjadi tax-Xitwa ġewwa ċ-Ċina u ftit biss qabel l-elezzjonijiet Presidenzjali tal-Korea t’Isfel – li se jsiru f’Marzu li ġej. Minkejja li s-sistema ekonomika tal-Korea ta’ Fuq qiegħda tikkollassa minħabba s-sanzjonijiet tal-Istati Unit, il-pandemija u tmexxija ħażina, il-pajjiż xorta waħda qiegħed iżid l-attività militari tiegħu.

Sport