Friday, May 17, 2024

Il-Korea ta’ Fuq tipprojbixxi liċ-ċittadini milli jidħku, jixorbu l-alkoħol u jixtru għal 11-il jum

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

B’effett mil-lum, il-Korea ta’ Fuq qed tipprojbixxi liċ-ċittadini tagħha milli jidħku, jixorbu l-alkoħol u jixtru bħala parti mil-luttu ta’ 11-il jum f’għeluq l-10 anniversarju tal-eks mexxej u missier Kim Jong Un, Kim Jong-il.

Rapporti internazzjonali kkwotaw persuna tgħid li matul dan il-perjodu ta’ luttu, ma jistgħux jixorbu l-alkoħol, jidħku jew jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ divertiment.

Is-sors, li tkellem b’kundizzjoni tal-anonimità, qal ukoll li jekk il-familja ta’ xi ħadd tmut waqt il-perjodu tal-luttu, ma jitħallewx jibku jgħajjtu u l-ġisem irid jinħareġ wara li jintemm il-perjodu tal-luttu.

L-istess persuna qalet ukoll li n-nies lanqas jistgħu jiċċelebraw l-għeluq is-snin tagħhom jekk dan jaqa’ fil-perjodu ta’ luttu.

Il-persuna kompliet tgħid li fil-passat, ħafna min-nies li nqabdu jixorbu jew fis-sakra waqt il-perjodu ta’ luttu ġew arrestati u ttrattati bħala kriminali, fejn saħansitra ħaduhom u qatt ma reġgħu dehru.

Kim Jong-il mexxa l-Korea ta’ Fuq għal 17-il sena sal-mewt tiegħu fis-17 ta’ Diċembru 2011. Skont Reuters, il-mewt tiegħu ma ġietx irrappurtata sa jumejn wara mill-midja tal-istat.

Sport