Friday, May 3, 2024

Il-Korea ta’ Fuq tirrifjuta tilqim kontra l-Covid-19 mill-Istati Uniti

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal li l-Korea ta’ Fuq ma tat l-ebda risposta meta tal-ewwel offritilha tilqim għal kontra l-Covid-19 u dan minkejja li Pyongyang qiegħda tesperjenza żieda qawwija fil-każijiet ta’ dan il-virus.

Skont ċifri mill-Korea ta’ Fuq, f’dan il-pajjiż hemm kważi 2.5 miljun persuna li huma infettati b’dak li qiegħed ikun deskritt biss bħala “deni” u kawża ta’ hekk dan il-pajjiż jinsab f’lockdown totali. Hu mifhum li dan il-virus qiegħed iħalli effett qawwi fuq dan il-pajjiż minħabba li ftit li xejn hemm testijiet adegwati kif ukoll ma jidhirx li hemm vaċċin għall-virus. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Korea t’Isfel, il-President Amerikan Joe Biden qal li huwa offra tilqim kemm lill-Korea ta’ Fuq kif ukoll liċ-Ċina u saħaq li l-Istati Uniti tinsab lesta li tibgħat dan it-tilqim b’mod immedjat. Iżda minkejja dan, Biden saħaq li baqa’ ma rċieva l-ebda tweġiba. 

Din mhix l-ewwel darba li r-reġim tal-Korea ta’ Fuq ma aċċettax offerti ta’ tilqim, fejn fil-passat kien hemm tentattivi kemm mill-Covax – li hija skema globali ta’ tqassim tat-tilqim – kif ukoll min-naħa tal-Korea t’Isfel. Il-Korea ta’ Fuq kienet tiftaħar li rnexxielha żżomm il-virus milli jidħol fil-pajjiż grazzi għall-għeluq tal-fruntieri, iżda l-esperti huma tal-fehma li l-virus ilu żmien twil preżenti f’dan il-pajjiż. Jidher li l-Korea ta’ Fuq qiegħda tirrikorri għal prattiċi mediċi primittivi biex tikkontrolla l-virus fosthom permezz ta’ te, gargarizzar ta’ ilma baħar u teħid ta’ painkillers.

Sport