Friday, December 20, 2024

Il-kors tas-sajf għal tfal b’diżabilità f’Għawdex deskritt bħala suċċess

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli attendew għall-għeluq tas-Summer Intensive Course for Children. Dan il-kors, li attendew għalih 24 tifel u tifla li għandhom firxa ta’ diżabilitajiet differenti, ġie organizzat minn The Voice for Inclusion Gozo flimkien ma’ Hand in Hand b’finanzjament ta’ €60,000 mill-Ministeru għal Għawdex.

Il-Ministru Clint Camilleri spjega li, “Dawn it-tfal b’diżabilità ngħataw l-attenzjoni meħtieġa biex itejbu l-ħiliet tagħhom matul il-ġimgħat li għaddew, filwaqt li ppreparaw ruħhom għas-sena skolastika li se tibda fi ftit tal-ġimgħat oħra. Ninsab sodisfatt li dan il-kors kien suċċess u serva ta’ benefiċċju kbir għat-tfal tagħna.” Huwa qal ukoll li ħidma bħal din tkompli tixhed kif dan il-gvern ma jħalli lil ħadd waħdu, u semma kif permezz ta’ dan il-kors dawn it-tfal komplew jintegraw u jħossuhom aktar inklużi fis-soċjetà tagħna. Il-Ministru Camilleri sostna li f’Għawdex qed isiru investimenti kbar sabiex aktar postijiet u żoni jsiru kemm aċċessibbli kif ukoll adegwati u siguri għal persuni b’diżabilità. Hawnhekk irringrazzja lill-Ministru Julia Farrugia Portelli u qal li huwa kommess li flimkien ikomplu jaħdmu id f’id sabiex jassiguraw l-aqwa kwalità tal-ħajja għall-poplu Għawdxi.

Il-Ministru għal Għawdex temm billi rringrazzja lil dawn l-għaqdiet għax-xogħol li qed iwettqu ma’ dawn it-tfal kif ukoll mal-ġenituri tagħhom, filwaqt li saħaq li l-Ministeru għal Għawdex se jibqa’ għaddej bil-ħidma f’dan il-qasam ħalli aktar postijiet ikunu adegwati għal tfal b’diżabilitajiet differenti u ħadd ma jaqa’ lura fis-soċjetà.

Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li dan il-kors huwa eżempju ta’ kemm jista’ jinkiseb ġid mix-xogħol ta’ għaqdiet volontarji, bħalma hi l-Voice for Inclusion Gozo. “Ċertament li għaqdiet bħal dawn, iffurmati minn persuni li jkunu qegħdin jgħixu l-problemi li jinħolqu b’riżultat li jkollhom lil xi ħadd fil-familja li jkollu diżabilità, jistgħu jikkontribwixxu ħafna biex titkompla l-ħidma li twassal biex persuni b’diżabilità, f’dan il-każ tfal, iħossuhom qegħdin jintegraw fis-soċjetà. Ħidmet għaqdiet bħal dawn tikkumplimenta dak li qiegħed jagħmel il-gvern fir-rigward tas-settur tal-persuni b’diżabilità li dejjem tah importanza kbira. Biżżejjed jingħad li għas-sena 2020 l-Aġenzija Sapport, fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, kellha allokat lilha baġit ta’ ftit inqas minn €23 miljun, l-akbar investiment li qatt sar fis-settur tal-persuni b’diżabilità.”

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li meta wieħed jikkunsidra l-għadd kbir ta’ miżuri li introduċa l-gvern fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità, fosthom dawk konnessi mad-dritt tax-xogħol, juri kemm, “Għalina huwa sagrosant l-prinċipju tal-inklużjoni fejn jidħlu persuni b’diżabilità.”

Pauliana Said, iċ-Chairperson ta’ Voice for Inclusion Gozo, irringrazzjat lill-Ministeru għal Għawdex li offra l-id tal-għajnuna u ffinanzja €2,500 għal kull student li attenda għal dan il-kors fuq medda ta’ tmien ġimgħat fix-xhur tas-sajf.

Ekonomija

Sport