Id-dekriminalizzazzjoni tal-pussess tal-kannabis jew ir-regolamentazzjoni stretta tal-aċċess għad-droga ma jidhrux li jżidu l-użu, iżda meta d-droga tinbiegħ kummerċjalment l-għadd ta’ dawk li jieħduha jiżdied u jwasslu għal aktar problemi ta’ saħħa mentali, skont reviżjoni ta’ studju li kien sar, li tiżvela żieda fl-utenti u r-rati ta’ psikosi f’pajjiżi fejn il-kannabis tinbiegħ kummerċjalment.
Tim internazzjonali ta’ riċerkaturi analizza l-bidla drammatika fil-politiki dwar il-kannabis bejn l-2000 u l-2025, inkluż kif l-għadd ta’ nies li jieħdu d-droga, il-qawwa tagħha, u r-rati ta’ psikożi nbidlu wara li daħlu fis-seħħ regoli ġodda.
F’pajjiżi li fetħu swieq kummerċjali għall-kannabis, bħall-Istati Uniti u l-Kanada, ir-riċerkaturi sabu li kien hemm aktar utenti u żidiet fil-qawwa tad-droga. Għalhekk aktar nies żaru l-isptar bi psikożi u kwistjonijiet oħra ta’ saħħa mentali marbuta mad-droga.
Skont ir-rapport, fejn il-kannabis ġiet dekriminalizzata fl-Ewropa, l-Afrika, l-Oċeanja u l-Asja, kien hemm ftit evidenza ta’ xi bidla fl-użu jew mard psikjatriku. L-esperjenza kienet simili f’pajjiżi fejn il-kannabis ġiet legalizzata iżda hija kkontrollata sew mill-istat.
Skont ir-riċerkaturi, is-sejbiet, li ġew ippubblikati f’Lancet Psychiatry, kienu inkoraġġanti għal dawk li jfasslu l-politika li kienu qed jikkunsidraw li jiddekriminalizzaw il-kannabis jew li jirregolaw b’mod strett id-droga fis-swieq legali. Madankollu, l-impatt u l-effett ta’ suq miftuħ, fejn id-droga tinbiegħ b’mod simili għall-alkoħol u t-tabakk, kien differenti ħafna.
Fir-Renju Unit, il-kannabis hija droga tal-klassi B bil-pussess iġorr piena massima sa ħames snin ħabs, multa bla limitu, jew it-tnejn. Is-sena l-oħra, rapport mill-Kummissjoni tad-Drogi ta’ Londra, ikkummissjonat mis-sindku ta’ Londra, Sadiq Khan, sostna li s-sanzjonijiet ma kinux ġustifikati u ppropona d-dekriminalizzazzjoni tal-pussess għal użu rikreattiv.
L-ewwel pajjiż li legalizza kompletament il-kannabis kien l-Urugwaj fl-2013, iżda s-suq huwa kkontrollat b’mod strett mill-istat. L-adulti li jirreġistraw jistgħu jixtru d-droga minn spiżerija, permezz ta’ klabb soċjali tal-kannabis, jew inkella jkabbruha d-dar. Dan jippermetti lill-istat jikkontrolla d-daqs tas-suq u wkoll is-sigurtà tal-prodotti.

