Il-forzi Iżraeljani injoraw għalkollox il-kritika ħarxa tal-president tal-Istati Uniti Donald Trump dwar l-azzjonijiet ta’ Iżrael fil-pajjiż tal-Libanu u wettqu attakki ġodda fin-Nofsinhar tal-pajjiz, skont ma rrappurtat il-midja tal-istat.
F’dawn l-attakki bid-drones Iżraeljani ndarbu diversi nies f’Mansouri u Aaziyyeh nhar l-Erbgħa, filwaqt li ajruplani tal-ġlied attakkaw Nabatieh al-Fawqa u Kfar Tebnit, skont ma qalet l-Aġenzija Nazzjonali tal-Aħbarijiet tal-Libanu.
Il-militar ta’ Iżrael baqa ma kkummentax, iżda qal biss li ħames suldati Iżraeljani sfaw feruti f’attakk bid-drones fil-Libanu mill-grupp armat Hezbollah appoġġjat mill-Iran.
Il-medjatur mill-Pakistan b’riferenza għall-ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Iran biex tintemm il-gwerra qal li l-ftehim jinkludi l-Libanu, mandankollu uffiċjali għolja tal-gvern ta’ Iżrael sostnew li ftehim milħuq bejn l-Istati Uniti u l-Iran bl-ebda mod ma jorbot lill-Iżrael.
Fil-kritika tiegħu lejn Iżrael, nhar it-Tlieta, Trump qal li l-prim ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu kellu bżonn “ikun aktar responsabbli u sensibbli fir-rigward tal-Libanu”.
Waqt li kien qed jitkellem fis-summit tal-G7 fi Franza, Trump qal ukoll li Iżrael ilu jiġġieled kontra Hezbollah għal “żmien twil u wisq nies qed jinqatlu”.
Kemm Iżrael kif ukoll Hezbollah wettqu attakki kontra xulxin minn meta tħabbar il-ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Iran nhar il-Ħadd filgħaxija.
Aktar kmieni dakinhar, attakk mill-ajru Iżraeljan fuq Beirut b’reazzjoni għal attakk bir-rokits transkonfinali minn Hezbollah poġġa pressjoni fuq it-tentattivi biex jiġi ffinalizzat u ffirmat il-ftehim.
Trump qal lill-G7 li kellu relazzjoni tajba ħafna mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, iżda qal li “ma għoġbux il-fatt li Iżrael reġa wettaq attakk fuq il-Libanu”.
Huwa żied jgħid li mingħajr l-Istati Uniti, ma jkunx hemm Iżrael u “mingħajri, ma jkunx hemm Iżrael għax l-ebda president Amerikan ieħor ma jkun lest li jagħmel dak li għamilt jien.”
Nhar it-Tlieta wkoll, wara li l-midja Libaniża rrappurtat li erba’ persuni nqatlu f’attakki Iżraeljani, il-kmand militari ewlieni tal-Iran wissa lil Iżrael dwar “rispons aħrax” jekk ma jtemmx il-“malizzja” tiegħu fin-Nofsinhar tal-Libanu.
Il-Libanu nqabad fil-gwerra bejn Iżrael, l-Istati Uniti u l-Iran fit-2 ta’ Marzu, meta Hezbollah sparaw sensiela ta’ rokits lejn Iżrael b’ritaljazzjoni għal attakk li li fih inqatel il-mexxej suprem tal-Iran.
Iżrael wieġeb billi nieda kampanja ta’ bumbardament madwar il-Libanu u invada parti sinifikanti min-nofsinhar tal-pajjiż.
Aktar minn 3,800 persuna nqatlu fil-Libanu matul il-kunflitt, skont il-ministeru tas-saħħa tal-pajjiż, li ċ-ċifri tiegħu ma jagħmlux distinzjoni bejn il-militanti u ċ-ċivili.

