Stħarriġ li sar mill-Kummisjoni Ewropea f’Marzu jindika li Malta hija l-pajjiż fl-Unjoni Ewropea bl-aqwa livell ta’ ottimiżmu ekonomiku. Dan hekk kif l-indiċi tas-sentiment ekonomiku kkalkulat mill-esperti Ewropej jindika li l-livell ta’ ottimiżmu laħaq il-livell ta’ 107.
Is-sentiment ekonomiku f’Malta huwa 7% aktar mill-medja storika, kif ukoll 1 fil-mija anqas mill-livell osservat fl-istess xahar sena ilu. Ta’ minn jinnota li bħala medja madwar l-Ewropa, n-negozji u familji qed juru pessimiżmu u għandhom sentiment taħt il-medja storika, kważi 14 fil-mija anqas minn dak f’pajjiżna.
F’Malta l-aqwa sentiment jinstab fost l-operaturi tas-servizzi. F’April il-maġġoranza ta’ kumpaniji fil-qasam tas-servizzi li rrapurtaw attività tajba kważi laħaq 39 fil-mija u madwar 23 fil-mija sostnew li fix-xhur li ġejjin qed jistennew attivita anke aħjar. Dan hekk kif huwa mistenni li turisti li qabel kienu ser imorru btajjel fil-Lvant tal-Meditterran minflok se jiġu Malta.
It-tieni l-aktar settur b’kunfidenza tajba kien dak tal-kostruzzjoni, fejn is-sentiment kien ferm aħjar mill-medja fl-aħħar snin. Dan hekk kif maġġoranza ta’ 28 fil-mja sostnew li raw attivita tajba fl-aħħar xhur. Barra minn hekk l-istess maġġoranza tal-operaturi sostnew li qed jistennew tnaqqis tal-ordnijiet imma minkejja hekk xorta se jimpjegaw aktar nies.
Fis-settur tar-‘retail’ maġġoranza ta’ aktar minn kwint tal-operaturi intervistati sostnew mal-Kummissjoni Ewropea li raw żieda fl-attività fl-aħħar xhur. L-andament pożittiv mistenni li jkompli fiż-żmien li ġej. Fattur li se jwassal biex maġġoranza tal-operaturi fis-settur isostnu li ser ikabbru l-operat tagħhom u jżidu l-impjiegi.
Fl-aħħarnett anke fost il-familji hemm sentiment pożittiv li hu ferm aqwa mill-medja storika. Dan hekk kif maġġoranza rrapurtaw li kellhom titjib fil-finanzi tal-familja tagħhom u li qed jistennew aktar titjib. F’dan id-dawl il-maġġoranza tal-familji sostnew li se jkunu deħlin għal nefqiet sostanzjali fiż-żmien li ġej. B’kuntrast madwar l-Ewropa is-sentiment fost il-familji huwa ferm ħażin u kważi l-agħar qatt osservat.
Minħabba s-sitwazzjoni mwiegħra internazzjonali l-anqas settur kunfidenti kien dak tal-industrija. Minkejja dan xorta maġġoranza ta’ 18 fil-mija tal-fabbriki rrapurtaw żieda fil-produzzjoni fl-aħħar xhur u aktar minn 10 fil-mija qed jaraw aktar ordnijiet ta’ produzzjoni.


