Sunday, May 3, 2026

IL-PN MITLUF DWAR L-ENERĠIJA … Joseph Muscat jisfida lit-tmexxija Nazzjonalista

Aqra wkoll

Għaddiet kważi ġimgħa ta’ kampanja elettorali u fl-aħħar jiem ma setax jonqos li jissemma’ l-qasam tal-enerġija. Spikkat dikjarazzjoni mill-Partit Nazzjonalista li fiha intqal li “l-prezzijiet tal-enerġija taħt gvern tal-PN se jkunu tant baxxi li s-sussidji mhux se jkunu meħtieġa aktar”.

Dan kien dikjarat mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia f’konferenza stampa, li ddikjara li taħt il-Partit Nazzjonalista, in-nies mhux se jkollhom għalfejn jittalbu aktar għall-għajnuna għax il-prezz li jridu jħallsu huwa aktar baxx mis-sors”. 

IT-TORĊA tkellmet mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li kien il-Gvern immexxi minnu li raħħas il-kontijiet tal-elettriku dwar din l-aħħar dikjarazzjoni ta’ Delia u dikjarazzjonjiet oħra li saru.

Fi kliemu stess, elezzjoni wara elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista u l-esponenti tiegħu qegħdin dejjem aktar jispiċċaw jintilfu fil-qasam tal-enerġija. Iddikjara li dak li huma kienu kkritikaw u ddeskrivewh bħala ‘Alice in Wonderland’ issa qegħdin jgħidu li se jagħmluh b’irħas.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat, meta tkellem ma’ IT-TORĊA qal li “fis-sena 2012 u s-sena 2013, meta konna qegħdin inniedu l-Pjan ta’ Enerġija li bidel lil pajjiżna, il-prezz taż-żejt kien bejn $100 u $110 bħala medja. Meta għidna li se nraħħsu l-kontijiet b’25 fil-mija, kienu qalulna li ma jistax ikun u dan minkejja li tajna pjan ċar, b’miri kkalkulati u kollox finanzjat. 

Ma’ dak  intrabatna biż-żmien, saħansitra li jekk ma jitwettaqx nirriżenja. Issa l-istess nies li kienu qalu li kollox ‘Alice in Wonderland’ iriduna nemmnu li fi żmien meta l-prezz taż-żejt tela ‘lfuq minn $125 din il-ġimgħa, se jraħħsu saħansitra aktar.  

Dan filwaqt li s-Sibt, il-Financial Times wissiet li s-swieq taż-żejt jinsabu 4 ġimgħat bogħod minn “tipping point” fejn wara l-prezz taż-żejt se jogħla ferm aktar, u The Economist saħansitra bassar li l-prezzijiet għadhom iridu jogħlew ferm aktar qabel ma jerġgħu jibdew jistabbilizzaw minħabba kwistjoni loġistika.  Il-PN iriduna nemmnuhom fuq il-kelma tagħhom, u nafdawhom li jgħidulna kif se jagħmlu u jwettqu wara.”

Fi kliem ieħor, min għolla l-kontijiet, qalilna li ma jistgħux jorħsu, issa iridna nemmnu li se jraħħashom aktar. L-eks Prim Ministru Joseph Muscat kompla jgħid li “jien moħħi miftuħ li niġi konvint”.

“Iżda kemm jwieġbu l-istess mistoqsijiet li kienu jistaqsu lilna u li aħna weġibna b’mod dettaljat. Jistgħu jgħidu lil familji u negozji: minn meta se jraħħsu l-kontijiet? B’kemm se jraħħsu? Kemm se tiswa? Se jraħħsu lill-familji u negozji kollha? It-traħħis se jkun l-istess għal kulħadd? L-uniku dettal li qalulna hu li l-prezz tal-enerġija se jkun “irħas at source”.  Naħseb ifisser li se jixtru l-enerġija b’irħas għax qalu li lanqas ma huma se jagħtu sussidji. Minn fejn se jixtru din l-enerġija jew gass b’irħas?”, jgħidilna Joseph Muscat.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat jenfasizza li “għandhom kuntratti ffirmati dwar dan u mingħand min se jixtru?  Nifhem li mhux mill-Ażerbaijan (minn fejn tixtri l-Ewropa kollha) hux hekk? Jekk din l-enerġija se jipproduċiha ħaddiehor qed nifhem li l-privat se joħroġ spiża kapitali.  Se jagħtuh xi garanzija tal-Istat peress li huma ma kienux jaqblu magħha? Għalkemm żmien se jkun il-kuntratt ta’ enerġija b’inqas? Allura issa ifisser li mhux veru li l-impjant tal-enerġija  il-ġdid ma kellniex bżonnha? U fl-aħħar, jekk il-poplu jafdahom u ma jweqqtux, ikunu lesti li jirriżenjaw kif intrabatt li nagħmel jien?”.

Dr Muscat qal li l-kumment dwar nies jittalbu dwar kontijiet huwa sfortunat għax dan ifakkru fis-sitwazzjoni fi żmien Gvern Nazzjonalista fejn in-nies kienu jmorru fi kju il-Belt bil-vawċers u xorta ma jlaħħqux mal-kontijiet.

Ikompli jgħid lil IT-TORĊA, li “l-impressjoni hi li kull elezzjoni li tgħaddi, il-Partit Nazzjonalista qed ikun dejjem aktar mitluf dwar il-qasam tal-enerġija.  Għaddew minn li ma jistax isir, għal li mhux qed nagħmluh tajjeb, għal li saħansitra se jagħmlu aktar. Fuq in-naħa l-oħra, il-politika tal-Partit Laburista hi soda u tibqa’ tagħti ċ-ċertezza li ilna nagħtu mis-sena 2013, li qed tkompli tevolvi b’mod li nkunu ppreparati għall-futur.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport