Tuesday, March 25, 2025

Il-kunsens fir-relazzjonijiet u l-vjolenza virtwali diskussi mal-istudenti

Aqra wkoll

Waqt workshop għall-istudenti bħala parti mill-kampanja edukattiva dwar il-kunsens fir-relazzjonijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg saħqet fuq l-importanza li titrawwem kultura ta’ rispett fir-relazzjonijiet għaliex b’hekk biss nistgħu nxejjnu l-problema tal-isterjotipi tal-ġeneri u spiss huma l-kawża ewlenija li twassal għal vjolenza domestika.

Mat-tliet mitt student u studenta mill-iskejjel ta’ St Joseph fil-Blata l-Bajda u Raħal Ġdid u mill-Kulleġġ De La Salle attendew għal dawn il-workshops interattivi, li ġew organizzati mill-Kummissjoni Nazzjonali kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, u li trattaw fost oħrajn l-imġieba abbużiva li l-istudenti jistgħu jesperjenzaw online permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali.

Dawn il-workshops huma kontinwazzjoni tal-kampanja Nieqfu Flimkien, Flimkien Infiqu li bdiet is-sena li għaddiet fis-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika.

Fi stħarriġ informali u anonimu li sar fost l-istudenti waqt dawn il-workshops wera li kważi terz (30.52%) tal-istudenti li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li kien hemm okkażjonijiet li fihom intalbu jibgħatu ritratti intimi tagħhom online.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika Samantha Pace Gasan spjegat il-prinċipji tal-kunsens fir-relazzjonijiet li qalet għandhom dejjem jkunu imsejsa fuq il-fiduċja, r-rispett u s-sigurtà. Qalet li l-prinċipji tal-kunsens għandhom ikunu rispettati dejjem anke fir-relazzjonijiet virtwali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport