Il-leak serju mill-PN jixhed politika kontra l-parteċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ fil-politika – Il-PL

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Laburista indirizzata mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit u l-MEP Alex Agius Saliba u mid-Deputat Laburista Francesca Zarb ħarġu aktar dettalji mil-leak serju fil-Partit Nazzjonalista dwar bidliet li se jsiru fl-istatut biex jakkomodaw erbgħa tal-qalba.


Il-bidliet skont l-emendi mis-Segretarju Ġenerali nnifsu jitkellmu dwar it-terminu tal-karigi fil-Partit Nazzjonalista li jkunu ta’ sentejn ħlief tas-Segretarju Ġenerali, li jitwal għal ħames snin. Iżda mill-bidliet kif żvelat bil-leak, hemm aspetti inkwetanti, fosthom li l-Partit Nazzjonalista se jiddiżinċentiva l-parteċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ fil-politika.


Fl-2020, jiġifieri fl-istatut ta’ qabel dan li se jibdlu, il-kumitati sezzjonali kellhom, sa fejn possibbli, 40% irġiel, 40% nisa u l-kumplament żgħażagħ, b’mekkaniżmu ta’ kooptazzjoni għas-sess l-inqas rappreżentat. Issa jridu jħassru l-kwoti ta’ 40% u l-mekkaniżmu ta’ kooptazzjoni. B’hekk mhux se jibqa’ l-istess obbligu statutorju li jiżgura rappreżentanza bejn is-sessi. B’hekk se jnaqqsu l-obbligu għal rappreżentanza xierqa u ugwali bejn is-sessi.


Daqshekk jemmnu fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika l-Partit Nazzjonalista. Flok jimxu ’l quddiem, idawru l-arloġġ lura. Saħansitra fl-Eżekuttiv se jneħħu r-rappreżentanza speċifika għan-nisa u ż-żgħażagħ fost l-eletti mill-Kunsill Ġenerali.


Fost il-bidiliet anki se jnaqqsu s-saħħa tal-vot tat-tesserat Għawdxi. Iċ-chairperson u s-sitt membri tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex kienu eletti mit-tesserati residenti f’Għawdex. Issa skont it-track changes tal-bidliet li jridu jġibu, il-President u s-sitt membri jiġu eletti minn: Deputati tal-PN eletti fid-distrett ta’ Għawdex, Sindki u kunsilliera lokali tal-PN f’Għawdex u Membri tal-kumitati sezzjonali Għawdxin. Dan ifisser li t-tesserat Għawdxi ordinarju mhux se jibqa intitolat għall-vot dirett sempliċement bis-saħħa tas-sħubija tiegħu.


Quddiem dawn il-bidliet, id-Deputat Mexxej Laburista Alex Agius Saliba sostna li qed naraw Oppożizzjoni mhedija fil-manuvri u mbagħad f’dak li hu mistenni minnha biex tkun alternattiva fil-pajjiż ma ssibha mkien. Qal li għandna Oppożizzjoni li tmur barra l-pajjiż, fosthom fil-Parlament Ewropew biex tkasbar lil pajjiżna u għalhekk ir-responsabbiltà hi akbar fuq Gvern immexxi minn Robert Abela biex jibqa’ jindirizza l-aspirazzjonijiet tan-nies.


Min-naħa tagħha, id-Deputat Laburista Francesca Zarb sostniet li mill-bidliet li qed jimbotta l-Partit Nazzjonalista anki kontra l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika qed naraw aġir sintomatiku ta’ Oppożizzjoni konfuża. Irrimarkat li fuq in-naħa oħra għandna Gvern Laburista li ressaq Budget soċjalment b’saħħtu li jinvesti fil-wellbeing tal-familji.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport