Friday, March 29, 2024

IL-LEGAT LI ĦALLA WARAJH TONY ZARB BAQA’ GĦADDEJ

Aqra wkoll

Bħal-lum sena, ħalliena l-mibki Tony Zarb fl-età ta’ 68 sena. L-aħbar tal-mewt tiegħu u r-reazzjonijiet li din ġabet magħha minn bosta persuni ċertament turi kemm Tony kien bniedem maħbub u li bl-eżempju tiegħu naqqax post f’qalb dawk kollha li xi darba jew oħra fittxewh għall-għajnuna.

Irrispettivament kontx taqbel mal-prinċipji tiegħu, mal-approċċ tiegħu, mal-fehmiet tiegħu, żgur tagħraf il-fatt li dan kien suldat tal-azzar li jħobb lil Malta, il-GWU, il-Partit Laburista u fuq kollox, lill-ħaddiem. Tassew lill-ħaddiem li tul ħajtu dejjem ħadem qatigħ biex jiddefendi d-drittijiet tiegħu, biex jara li l-kwalità tal-ħajja tiegħu titjieb, u biex jara li verament jingħata il-ġieħ u l-apprezzament mistħoqq għal dak li jagħmel kuljum biex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum. Dan dejjem għamlu bla kundizzjonijiet, bla aġendi personali, anke jekk kien ifisser li ma jaqbilx mal-gvern u ma’ dawk qrib tiegħu. 

Għax għal Tony, il-ħaddiem kien is-sinsla ta’ pajjiżna. Kien dak li jiddistingwina bħala nazzjon. Dan dejjem għamlu b’umiltà, b’konvinzjoni u b’determinazzjoni. Dan dejjem għamlu b’dak it-ton sod li kien jiddistingwih anke meta saħħtu ma baqgħetx li kienet. Dan dejjem għamlu b’dik il-qilla li għamlitu dak li se jibqa’ magħruf għalih fis-snin li ġejjin: uniku. 

Bil-mewt ta’ Tony, Malta tilfet pilastru. Tilfet parti importanti mill-istorja tat-trejdunjoniżmu lokali, tilfet ġgant tas-soċjetà Maltija. Dak li llum igawdi kull ħaddiem għandu fl-għeruq tiegħu l-kisbiet li għamel tul iż-żmien tiegħu bħala Segretarju Ġenerali. Għax dak li hi Malta llum hija wkoll attribwita ma’ dak li dejjem stinka għalih Tony. Fuq kollox, għax dak li stinka għalih, għadu rilevanti llum iktar minn qatt qabel.

 Barra minn hekk, il-legat li ħalla warajh l-eks Segretarju Ġenerali għadu kruċjali f’dik li hija l-ħidma tal-GWU li tant kienet għal qalbu, b’mod partikolari b’risq il-ħaddiema sabiex dawn ikollhom il-kundizzjonijiet li tassew jixirqilhom. Dan l-istess sentiment kien espress riċentament waqt il-konferenza nazzjonali tal-GWU fejn ingħatat ħarsa tal-ħidma li għaddejja mid-diversi taqsimiet u l-viżjoni li għandha din l-akbar trejdunjin fil-pajjiż.

Ekonomija

Sport