Tuesday, December 24, 2024

Il-Lovin Malta ħatja ta’ ġurnaliżmu rresponsabbli … immultata €1,000 f’danni morali

Aqra wkoll

Il-ġurnalist Tim Diacono minn Lovin Malta kien ordnat iħallas €1,000 f’danni lill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Malta Air Traffic Services Ltd. Dr Kenneth Chircop wara li nstab ħati ta’ malafama fil-konfront tiegħu.

Dan b’rabta ma’ artiklu li deher fl-10 ta’ Lulju 2019 u li ġie ppubblikat mill-istess Diacono fuq is-sit www.lovinmalta.com, bit-titlu “’The Maltese Are Crooks’ says top Macedonian official in leaked conversation”.

Fl-affidavit tiegħu, Dr Chircop qal li ħassu malafamat personalment bl-imputazzjoni magħmula minn Diacono li huwa ta parir lill-kontroparti Maċedonjan “dwar kif għandu jitħallas commissions illeċti.”

Diacono ammetta fix-xhieda tiegħu li huwa kien ikkoreġa l-artiklu safejn huwa oriġinarjament uża l-kliem “take a commission” u biddel il-parti rilevanti bil-kliem “sign a commission”. 

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello fehmet li din il-korrezzjoni kienet diġà ġiet ippubblikata sal-għada. Qalet ukoll li ma jirriżultax minn qari tat-traskrizzjoni tat-telefonata, li kien qed jiġi diskuss ħlas ta’ commission fis-sens monetarju,. 

Min-naħa tiegħu, Dr Chircop qal li kienet “falsità assoluta” li huwa kien iggwida lill-kontropartijiet Maċedonjani dwar kif għandhom jieħdu commission u huwa pjuttost evidenti li “l-artikolist ħawwad il-kelma commission ta’ sistema ġdida (kkummissjonar tas-sistema) ma’ commission fi flus.” 

Il-Qorti qalet li “hu ovvju li l-użu minn Diacono fir-rappurtaġġ tiegħu dwar it-telefonata inkwistjoni, tal-kliem “take a commission” iżda anke għall-kliem “sign a commission”, mhux biss huwa skorrett għall-aħħar u ma jikkostitwixxix rapportaġġ fidili u bon fide għaliex ma jirriflettix id-diskors dirett iżda timplika li fid-diskussjonijiet tiegħu ma’ Taseski, Dr Chircop kien qed jgħidlu kif jew meta għandu jieħu (“take”) commission b’rabta mal-installazzjoni tas-sistema ta’ Leonardo.”

Il-Qorti qalet li hi tal-fehma li dan huwa każ ta’ nuqqas ta’ ġurnaliżmu responsabbli min-naħa ta’ Diacono għaliex dak li huwa rrapporta fi kliemu mhuwiex fidili għal dak li effettivament intqal fit-telefonata.

“Il-Qorti ma tistax ma tikkundannax rapportaġġ bħal dan li huwa evidentement kapaċi jagħti lok għal interpretazzjoni mhux korretta tad-djalogu dirett ippubblikat fl-artiklu u tqis li fiċ-ċirkostanzi, Diacono ma setax jemmen raġjonevolment li l-pubblikazzjoni tal-istqarrija tiegħu dwar il-konversazzjoni telefonika inkwistjoni kienet ta’ interess pubbliku.

“Wara kollox, ma jista’ qatt ikun hemm l-ebda interess pubbliku f’rapportaġġ inakkurat u li jiżvija lill-qarrej għall-fini tas-sensazzjonaliżmu.”

Min-naħa l-oħra, il-Maġistrat Montebello nnotat ukoll li Diacono xehed li l-prospett ta’ “scoop” huwa wieħed mill-elementi fundamentalii tal-ġurnaliżmu investigattiv. “Il-Qorti dan tifhmu u filwaqt li tirrikonoxxi wkoll li l-konvenut meta ppubblika l-artiklu mingħajr ma stenna t-tweġiba tal-attur bil-kummenti tiegħu, seta’ mexa wkoll b’nuqqas ta’ etika ġurnalistika, din il-kondotta fiha nnfisha ma jfissirx li l-pubblikazzjoni fiha nfisha hi malafamanti għalkemm ċertament din tkun rilevanti ferm għall-fini ta’ likwidazzjoni tad-danni.” 

Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li Diacono kien emenda l-artiklu oriġinali, biex minflok “take a commission” uża l-kliem “sign a commission” liema korrezzjoni iżda, xorta waħda mhijiex akkurata u fidili u ftit tgħin biex jitwarrab l-implikazzjoni li Chircop seta’ laħaq xi ftehim dwar commissions b’mod mhux regolari fl-installazzjoni tas-sistema ta’ Leonardo meta fir-rwol tiegħu ta’ Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija tal-Gvern m’hemmx lok leġittimu għall-ħlas ta’ commissions.

Fl-istess waqt, ikkunsidrat ukoll li Diacono ma setax ma kienx jaf li qed jimmanipola t-tifsira ta’ dak li kien qed jiġi diskuss fit-telefonata u li konsegwentement, ir-rapportaġġ tiegħu kien qarrieqi u mhux wieħed bona fide. 

Waqt li ċaħdet it-talbiet tal-attur fejn saru f’isem il-kumpanija, il-Qorti laqgħet it-talbiet ta’ Chircop billi ddikjarat li l-pubblikazzjoni inkwistjoni kienet fil-konfront tiegħu u kkundannat lil Diacono iħallsu s-somma ta’ €1,000 bħala danni morali għall-malafama.

Ekonomija

Sport