Il-Malta Amateur Football Association organizzat is-serata ta’ premjazzjoni fi tmiem l-istaġun 2025/26 fi stabbiliment fl-Imġarr fejn ġew ippremjati t-timijiet u l-plejers li spiċċaw f’dawn l-aħħar xhur.
L-akbar unur tal-lejla, dak taċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni, mar f’idejn Għaxaq Wolves, li kellhom staġun konsistenti u b’saħħtu biex temmew fuq quddiem nett tal-klassifika. Madankollu, il-finalisti u runners-up Senglea Gunners ukoll kellhom staġun mill-aktar impressjonanti, u komplew juru l-qawwa tagħhom meta rebħu diversi unuri oħra matul is-serata fosthom it-Twanny Agius Fair Play Cup, it-Tazza tas-70 Anniversarju u l-MAFA KO.
Fit-tieni diviżjoni kienu Attard Edex Kings li ħarġu rebbieħa bħala champions, wara li pproduċew wirjiet pożittivi, segwiti minn Birżebbuġa St. Peter’s AFC, li ġew ukoll promossi għall-ogħla kategorija tal-MAFA.
Finalment Marsa St Michael rebħu l-Joe Compagno Cup wara li rebħu lil Għaxaq Wolves fil-finali.
Fil-kategoriji individwali, il-premju tal-aqwa skorer tal-Ewwel Diviżjoni mar għand Auwal Abba ta’ Valletta Stars St. Dominic bi 12-il gowl, filwaqt li fit-tieni diviżjoni, Oussama Boutayeb ta’ Birżebbuġa St. Peter’s AFC kien l-aqwa skorer b’17-il gowl. Hu rebaħ ukoll l-unur tal-aqwa plejer tal-istess diviżjoni.
Il-premju prestiġjuż ta’ MAFA plejer tas-sena mar għand il-goalkeeper ta’ Senglea Gunners Stephane Bitseki Moto li wkoll ġie rikonoxxut bħala The Sports Experience Best Player tal-Ewwel Diviżjoni, wara staġun mill-aqwa li fih kien strumentali fis-suċċess tat-tim tiegħu.
F’diskors tal-okkażjoni, il-president tal-MAFA Salvu Borg tkellem dwar is-suċċess ta’ dan l-istaġun u faħħar il-kooperazzjoni tat-timijiet f’dan ir-rigward. Hu rringrazzja wkoll lill-plejers u fuq kollox l-uffiċjali tal-logħba li taw il-kontribut sabiex il-logħbiet ikunu jistgħu jintlagħbu fl-aqwa spirtu sportiv.



