Il-Maltin kollha li kienu fuq MSC Poesia se jiġu kkumpensati

Aqra wkoll

Mill-inqas 15-il passiġġier Malti li nhar il-Ħadd telgħu fuq il-cruise liner MSC Poesia f’Miami spiċċaw qatt ma telqu mill-port wara li l-Gwardji tal-Kosta tal-Istati Uniti żammew il-Bastiment milli jitlaq.

Il-Maltin flimkien ma’ mijiet kbar ta’ passiġġieri oħrajn kienu sejrin fuq vjaġġ ta’ 12-il ġurnata madwar il-Karibew. 

Kelliem għal Hamilton Travel li huma l-aġenti ta’ MSC f’Malta qalet li l-passiġġieri Maltin u anke l-oħrajn kollha li kienu abbord il-cruise liner MSC Poesia se jkunu qegħdin jiġu kkumpensati u anke qegħdin jingħataw struzzjonijiet mill-kumpanija kif għandhom jaslu lura f’pajjiżna.

Il-passiġġieri kollha se jkunu qegħdin jingħataw il-flus lura kollha li ħallsu, iżda mhux hekk biss, tul il-jiem li għamlu fuq il-cruise liner ingħataw internet b’xejn biex ikunu jistgħu jagħmlu l-arranġamenti kollha li hemm bżonn biex jivvjaġġaw lura.

Aktar minn hekk, huma se jkunu qegħdin jingħtaw ammont ieħor ta’ flus biex jużawh fuq wieħed mill-cruises li topera l-MSC. Il-passiġġieri kollha fosthom dawk Maltin ġew mgħarrfa permezz ta’ ittra li l-ispejjeż kollha biex jivvjaġġaw lura lejn Malta u pajjiżi oħrajn se jkunu qegħdin jiġu kkumpensati wkoll.

Il-vapur kellu jżur portijiet fil-Ġamajka, fil-Kolombja, fil-Ħonduras, f’Puerto Rico, fil-Beliże u fil-Panama.

Kien fl-aħħar sigħat li MSC Cruises iddeċidiet li tħassar dan il-vjaġġ fejn il-passiġġieri kollha ġew informati li għandhom jinżlu minn fuq il-vapur matul il-ġurnata tal-Ħamis.

S’issa jidher li l-passiġġieri ma ġewx mgħarrfin għaliex il-vapur twaqqaf milli jsalpa.

Koppja Maltija li tkellmu ma’ Times of Malta kkonfermaw ukoll li huma ma ġewx informati għaliex il-vapur twaqqaf milli jsalpa.

“Tlajna fuq il-vapur bħas-soltu flimkien mal-passiġġieri l-oħra kollha u stennejna li jitlaq,” qalet il-mara.

“Iżda dan qatt ma seħħ. Meta bdejna naraw vetturi tal-pulizija u bastimenti jdawru l-vapur, ilkoll bdejna nistaqsu x’kien qed jiġri,” kompli tgħid il-mara meta tkellmet mal-midja lokali.

Il-kaptan tal-vapur eventwalment informa lill-passiġġieri li l-pulizija ma kinitx se tħalli lill-bastiment jitlaq mill-port. Il-koppja Maltija qalet li ma ngħatatilhomx spjegazzjoni dwar ir-raġuni, iżda ġew assigurati li ma kinitx kwistjoni ta’ sigurtà.

Nhar l-Erbgħa, il-gazzetta Ingliża The Independent irrappurtat li l-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti kienet “identifikat nuqqasijiet fis-sistemi abbord il-bastiment”, iżda ma tatx aktar dettalji.

Il-ħajja abbord il-vapur kompliet b’mod normali

Il-koppja li tkellmet mal-midja lokali qalet li l-ħajja abbord il-vapur kompliet daqslikieku ma kien qed jiġri xejn. L-ikel baqa’ jiġi servut, u l-passiġġieri setgħu jużaw il-faċilitajiet kollha, jattendu l-attivitajiet organizzati, jaraw spettakli u jgħumu fil-pixxini.

“Nistgħu nagħmlu kollox fuq il-vapur. L-unika ħaġa li ma nistgħux nagħmlu hija li nitilqu mill-port ta’ Miami,” qalet il-mara.

Huma qalu li l-passiġġieri qatt ma kienu mġiegħla jibqgħu abbord il-vapur. Matul l-erbat ijiem li fihom il-vapur baqa’ mwaħħal f’Miami, MSC offriet karozzi tal-linja b’xejn lejn il-belt kull nofs siegħa, u xi passiġġieri għamlu użu minn dan is-servizz.

“Ħriġna darba biss, għax konna diġà żorna Miami qabel tlajna fuq il-vapur,” qalet il-mara.

“Iżda xorta waħda hija diżappuntanti. Konna ilna ġimgħat nippjanaw dan il-vjaġġ u konna qed nistennewh bil-ħerqa. Iżda spiċċajna ma rajna xejn.”

Jirriżulta li għall-ewwel jumejn, il-passiġġieri baqgħu jittamaw li l-problemi jiġu solvuti u li l-vapur jingħata l-permess biex isalpa lejn l-ewwel port tal-vjaġġ tiegħu.

L-amministrazzjoni tal-vapur kienet infurmat lill-passiġġieri li kienet qed tagħmel dak kollu possibbli biex il-vjaġġ issir kif ippjanat.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport