Saturday, December 21, 2024

“Il-Mandraġġ – Mixja tul is-Snin”

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt 9 ta’ Novembru fit-toroq dojoq u l-isqaqien tal-Mandraġġ tar-Rabat Għawdex kien organizzat avveniment minn ‘Tal-Fuklar Folk Group’, attività li bdiet mit-3.00 p.m. sal-10.00 p.m. mingħajr waqfien ta’ divertiment mhux biss għar-residenti li joqgħodu l-mandraġġ, jew li  kienu joqogħdu f’dawn l-inħawi fejn ġeddew mill-ġdid il-memorji tagħhom dwar il-ħajja tal-imgħoddi jew tal-ġenituri, iżda wkoll għal dawk kollha li attendew għal din l-attività, fejn iż-żmien jieqaf u l-istorja tieħu l-ħajja. Dan kollu seħħ b’għajnuna li ngħatat mid-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.  

Joe Grech, il-fotografu tagħna, twieled, għadda tfulitu u żgħożitu f’dan l-ambjent f’wieħed mill-isqaqien fi triq il-Madonna tal-Karmnu, triq qasira, iżda tintilef fl-isqaqien mill-isbaħ iddisinjati fil-passat biex jissuperaw u jżommu r-residenti sikuri minn xi għadu. Tkellem ma’ wħud mir-residenti fosthom Antonia Grima nee Spiteri li twieled kantuniera ma’ sqaq fejn twieled il-kantant Fredu Spiteri (il-Lavarist).

Antonia għadha toqgħod fl-istess triq fi sqaq ieħor faċċata fejn twieled il-kantant tat-Tramps Domenic Grech. Toni Spiteri kien ippubblika tagħrif dwar kif għadda tfulitu l-mandraġġ u f’diskors qasir li għamel irrakkonta stejjer qosra tal-imgħoddi, fejn kull ġebla għandha storja. Is-Sur Joe W. Psaila qara poeżija dwar Fredu Spiteri (l-Għannej ta’ Għawdex):

F’kitarra sura tieħu …. il-qalb tiegħu,

il-kordi vini rqaq iġorru d-demm,

u l-għanja hi magħġuna fih u miegħu,

biex tferraħ lil kulħadd, ilkoll kemm hemm.

Subgħajh ħerkiena jinsġu xi makkjetta,

bħall dawk ta’ mara Għawdxija mal-bizzilla,

u leħnu ħelu w żorr sabiex jinfetta,

id-daħka tal-istorja jew il-qilla.

‘Mma ħesrem inħatfilna bħal sajjetta,

meta ta’ ismu laħaq il-quċċata;

biex saret ħajtu stess storja taċċetta

li l-ġenju żgħir imut, qabel ir-rata.

U xħin ħalliena ma sibniex rimidju;

Bħal tal-għannejja seħħ xi ġenjuċidju

                                        Joe W. Psaila. 

Permezz ta’ din il-‘Mixja tul is-Snin’, il-mandraġġ ħa ħajja b’esperjenza unika fejn il-viżitaturi setgħu jitgħallmu minn stejjer ta’ residenti tal-passat, gawdew mużika folkloristika u tradizzjonali Għawdxija minn Tal-Fuklar Folk Group matul it-toroq, esploraw wirjiet ta’ bizzilla, macrame kif ukoll tan-newl, l-attività li ġiet fit-tmien b’kunċert mill-grupp Allegro Clefs Band.

Ekonomija

Sport