Bħal lum, 21 ta’ Marzu tas-sena 1960, seħħ dak li baqa’ magħruf bħala l-massakru ta’ Sharpeville. Dan sar fl-Afrika t’Isfel waqt l-apartheid.
Kien ġara li l-Pan Africanist Congress (PAC), li kien ħareġ mill-African National Congress (ANC) beda kampanje kontra Serie ta’ liġijiet intiżi biex jimmaniġġjaw segregazzjoni interna u dominazzjoni razzjali.
Fil-jum tal-21 ta’ Marzu filgħodu, xejn inqas minn 5,000 dimostrant inġabru madwar l-għassa tal-Pulizija f’Sharpeville. Huma intlaqgħu minn madwar 300 pulizija, li kienu appoġġjati b’vetturi armati.
It-tensjoni kibret l-aktar wara li nħarġu rapporti li intefa’ xi ġebel mill-protestanti lejn il-Pulizija.
Il-Pulizija bil-għan li tinfirex il-folla bdew jisparaw fuq il-folla. Inqatlu 69 persona u madwar 180 sfaw feruti. Ħafna minn dawn milqutin intlaqtu f’daharhom.
L-aħbar ta’ dak li ġara f’Sharpeville infirxu mad-dinja u kien hemm kundanni internazzjonali kontra l-apartheid tal-gvern.