Wednesday, November 13, 2024

IL-MEDIĊINA U L-GĦARFIEN DWAR IS-SAĦĦA MENTALI

Aqra wkoll

Fuq il-mezzi soċjali ta’ sikwit nisimgħu diskussjonijiet relatati u ffukati fuq is-saħħa tal-persuna. Fost dan kollu ġieli wkoll nisimgħu b’mod speċifiku dawn id-diskussjonijiet li jkunu ffukati fuq is-saħħa mentali. 

Persuna kkwalifikata fil-qasam tal-psikoloġija jkollha bżonn tagħmel assessment tal-persuna li tirrikorri għandha ghall-għajnuna. Tajjeb li hawn nispjega b’mod ċar li l-psikologu ma jagħtix mediċina sabiex wieħed jikkumbatti l-problemi mentali. Dan qiegħda nispjegah minħabba l-fatt li bosta persuni jibżgħu jersqu għall-għajnuna għaliex f’moħħhom ikollhom l-idea li ser jingħataw xi forma ta’ mediċina li r-riżultat tagħha ma jkunx dak mixtieq mill-pazjent. Il-psikologu jitkellem mal-pazjent u jipprova jgħarbel is-sitwazzjoni li wasslet lill-persuna f’dan l-istat u minn hemm tingħata terapija li ġeneralment jekk ma twassalx għal fejqan totali, twassal għal sitwazzjoni aħjar u aktar serena fil-persuna. 

Iżda l-konċentrazzjoni tiegħi fil-messaġġ tal-lum tmur oltre minn dan kollu. L-għarfien għandu jibda jingħata qabel ma l-persuna tispiċċa f’din is-sitwazzjoni, sabiex b’hekk inkunu qegħdin nevitaw ħafna mill-problemi li jiġu wara. Tistaqsuni “kif ser nagħmlu dan?” Ir-risposta għal dan hija waħda komplessa, però bil-kmiem imxammrin u b’determinazzjoni naħseb li nistgħu nibdew proċess li mal-medda tas-snin ser iwassalna għal riżultati aħjar. It-triq mhix faċli iżda ma rridux naqtgħu qalbna. Min-naħa tiegħi qiegħda nwiegħed li jekk ningħata l-għodda meħtieġa ser inkun qed naħdem fuq din il-materja. Hemm diversi proċessi sabiex intaffu din il-pjaga li sfortunatament qiegħda tikber u wkoll l-iktar sfortuna li din hija problema inviżibbli. Għaldaqstant, irridu nkunu aħna li nippreparaw lill-persuni sabiex minn età tenera jikkumbattu din il-problema b’diversi modi, fosthom: b’eżerċizzji fl-iskejjel tagħna, b’ċentri ġodda li jilqgħu fihom dawn il-persuni li jħossuhom komdi fihom. Hemm diversi modi kif nistgħu naħdmu sabiex intaffu mill-problema. L-importanti li nibdew u nkomplu nibnu fuq it-tajjeb li diġà qed isir. 

Fattur ieħor importanti huwa li jekk il-persuna tkun fil-problema, trid tagħmel kuraġġ u tirrikorri għal għajnuna b’mod immedjat. Ħadd mill-persuni kkwalifikati ma’ jista jinduna li l-persuna għandha bżonn l-għajnuna jekk l-istess persuna ma tersaqx hi. Nifhem li mhuwiex daqstant faċli li wieħed jagħmel il-pass, iżda dan huwa fundamentali biex titjieb is-sitwazzjoni ta’ dak li jkun.  Bl-ewwel pass, dak li jkun se jintebaħ li minkejja d-diffikultajiet f’din l-istess triq, kulħadd jista’ jaqleb għall-aħjar. Ser issib min jgħinek u jiggwidak għal ħajja aħjar, għal aktar serħan il-moħħ. Fil-manifest elettorali, il-Gvern għamel aċċenn fuq din il-problema u kif wegħedna din il-materja ser tkun qed tiġi indirizzata b’mod serju u b’mod professjonali, sabiex l-eżodu ta’ dan kollu jkun il-veru messaġġ li aħna bħala Gvern irridu nwasslu lill-poplu Malti u Għawdxi kollu — dak ta’ futur sabiħ għal kulħadd.

Min-naħa tiegħi, kemm bħala psikologa li naħdem f’dan il-qasam u kemm bħala rappreżentanta tagħkom fil-Parlament, ser inkompli naħdem sabiex dan kollu jseħħ. ll-wegħda tiegħi li nidħol fil-ħajja politika kienet u ser tibqa’ l-istess — dik li ntejjeb il-ħajja tan-nies, dik li mqar għal ftit nara li l-persuna jkollha dinjità u tħossha qed tgħix f’soċjetà inklussiva li hi parti minnha u li ma tkunx tħossha differenti u eżentata minħabba l-kundizzjoni li tbati minnha. Minn hawnhekk inħeġġiġkom sabiex ħadd ma jaqta’ qalbu u sabiex min jeħtieġ l-għajnuna jitkellem, għaliex it-tama hija l-qofol tal-fejqan. Hawn diversi professjonisti li jistgħu jagħmlu dan; dejjem irreferu għat-tabib tal-familja sabiex ikun jista’ jiggwidakom aħjar.

Ekonomija

Sport