Sunday, December 22, 2024

IL-MENOPAWŻA …. ĠLIEDA FIS-SILENZJU GĦAL KULL MARA

Aqra wkoll

Ansjetà, palpitazzjonijiet, konfużjoni tal-moħħ, fwawar, mestrwazzjoni spontanja, irritabilità, nuqqas ta’ rqad, ħakk…. Dawn huma biss ftit mill-ħafna sintomi li ħafna nisa jesperjenzaw matul il-menopawża.

Fil-fatt, kull mara hija differenti iżda li hemm komuni, huwa li l-menopawża hija realtà għal kull mara iżda fejn tidħol id-diskussjoni dwar il-menopawsa u l-effetti tagħha, għadna siekta wisq.

 Quddiem dan kollu tqanqal fuq fomm kulħadd speċjalment in-nisa… Għalfejn ta’ spiss insibuha diffiċli tant nitkellmu dwar il-menopawża b’mod miftuħ?

L-istigma teżisti f’kull suġġett, partikolarment f’suġġetti li huma kemmxejn personali. Dan ma jfissirx li ma għandniex nitkellmu fuqhom, għax jekk le iktar se jkun hawn nuqqas ta’ għarfien.

 Meta nitkellmu fuq is-settur tas-saħħa ninnutaw li għad hawn tobba li ma tantx qed jagħtu importanza dwar is-sintomi differenti tal-menopawża u spiss jikkunsidrawhom bħala ħaġa normali u mhux riżultat ta’ din it-tanżizzjoni importanti fil-ħajja ta’ kull mara.

Dan l-atteġġjament mhux biss inaqqas dak li tkun għaddejja minnu kull mara iżda jtellfulhom l-aċċess għall-kura kif suppost. Għalfejn mara b’saħħitha, dan kollu għaliex għandha ċertu età u għaddejja mill-menopawża, għandha jingħatawlha l-antidipressanti, dan kollu għaliex għandha sintomi ta’ perimenopawża?

Din hija realtà fejn il-menopawża mhiex qed tkun immaniġġjata sew u minflok ma nħarsu lejn il-fatt li l-menopawża hija bidla fl-ormoni, ħafna qed iħarsu lejha b’lenti differenti.

 M’hemmx għalfejn ikun hemm biża’ jew misinformazzjoni dwar dan is-suġġett għaliex fl-aħħar mill-aħħar, il-mara biss se tbati.

 Hemm ħafna xi jsir sabiex lin-nisa ngħinuhom matul dan il-perijodu diffiċli. Fuq il-post tax-xogħol, jista’ jsir ħafna. Kumpaniji jistgħu joffru taħriġ speċjaliżżat lill-managers sabiex jifhmu aħjar kif jindirizzaw din ir-realtà għall-impjegati nisa tagħhom.

L-istess kumpaniji jistgħu jorganiżżaw programmi ta’ informazzjoni dwar il-benessri tal-mara u l-menopawża biex jgħinu lin-nisa fil-kumpaniji tagħhom iħossuhom iżjed infurmati u jaraw li dak li għaddejjin minnu, qed jiġi mifhum.

 Jekk id-diskussjoni dwar il-menopawża tibda ssir iżjed bil-miftuħ, aktar nisa jkunu lesti jitkellmu b’mod iżjed miftuħ dwar dak li jkunu għaddejjin minnu, jikber it-tagħrif, u nsiru iżjed tollerranti.

 Li nifhmu minn xiex tkun għaddejja kull mara waqt il-menopawża, ukoll jekk ma nkunux qed nifhmu sew is-sintomi li tkun qed tħoss, diġa ikun ta’ għajnuna biex kull mara tgħix il-menopawża tagħha b’iżjed dinjità.

 Huwa importanti li nitkellmu iżjed dwar dan kollu, li jkun hemm iżjed għarfien u aktar informazzjoni, sabiex niżguraw li n-nisa ma jaffaċċjawx dan iż-żmien waħedhom u mingħajr l-għajnuna meħtieġa.

Ma nistgħux insemmu dan is-suġġett, mingħajr ma nsemmu ftit mill-ħidma tal-Gvern. Fost dawn hemm, il-ġinekoloġija għal nisa ta’ ’l fuq minn 60 sena, servizz li qed jingħata mir-residenza ta’ San Vincenz de Paul.

Huwa mifhum li dan it-tip ta’ servizz jingħata lil madwar 70,000 mara li għandhom 60 sena jew aktar u huwa fost kullana ta’ servizzi oħra speċjalizzati fil-ġerjatrija li qed jingħataw minn kliniki f’San Vincenz de Paul.

Irridu nkunu minn ta’ quddiem li nħeġġu dan id-dibattitu sabiex kull omm, kull tifla, kull ħabiba u kull mara, ngħinuhom biex ma jibqgħux ibatu fis-silenzju iżda jkollhom kull għajnuna li jistgħu isibu.

Ekonomija

Sport