Friday, May 17, 2024

Il-mewt ta’ kewkba rrekordjata minn Għawdex

Aqra wkoll

Kewba li l-ħajja tagħha sfat fi tmiemha fi splużjoni enormi ġiet irrekordjata bl-Osservatorju Nazzjonali ta’ Malta li għadu kemm ġie installat riċentement. Il-kewkba tinsab fl-hekk imsejħa ‘Pinwheel Galaxy’ (M101), li tinsab 21 miljun sena dawl ’il bogħod.

Dan ifisser li l-avveniment seħħ 21 miljun sena ilu, u d-dawl tal-isplużjoni ilu jaqsam l-ispazju minn dakinhar, sakemm fl-aħħar wasal fuq id-Dinja.

L-avveniment huwa magħruf bħala Type II Supernova. Dan jiġri meta kewkba massiva – kemm-il darba iktar massiva mix-xemx – ma tkunx tista’ tkompli issostni fużjoni nukleari, u b’hekk tikkollassa rapidament u tispiċċa fi splużjoni katastrofika.

Is-supernova, imsemmija SN 2023ixf, ġiet irraportata fis-19 ta’ Mejju, 2023 minn Koichi Itagaki. Teżisti sistema ta’ notifika biex astronomi minn madwar id-dinja kollha jkunu jistgħu jsiru jafu malajr b’avveniment bħal dan sabiex ikunu jistgħu jagħmlu iktar osservazzjonijiet.

Il-Professur Joseph Caruana (Dipartiment tal-Fiżika u Istitut għax-Xjenzi Spazjali u l-Astronomija, l-Università ta’ Malta), li ħa r-ritratt mill-osservatorju f’Għawdex, ikkummenta li hemm żewġ kategoriji prinċipali ta’ supernova. “It-tip speċifiku ta’ supernova jista’ jsir magħruf permezz ta’ spectrum, li tista’ tgħidlu l-marki tas-swaba tal-oġġett”, spjega Caruana.

Astronomi minn madwar id-dinja – sew professjonali kif ukoll dilettanti – se jkunu qed idawwru t-teleskopji lejn dan l-oġġett fil-jiem li ġejjin. Osservazzjonijiet ta’ avvenimenti bħal dawn ħafna drabi jinvolvu kollaborazzjoni bejn astronomi professjonali u dilettanti.

“Ilbieraħ, xi wħud mill-komunità tad-dilettanti tal-astronomija f’Malta – l-Għaqda Maltija tal-Astronomija – kienu diġà qed jiddiskutu dan l-oġġett magħna”, qal Caruana, filwaqt illi rrimarka li kien eċċitanti li wieħed jara avveniment bħal dan ftit jiem biss wara li l-osservatorju f’Għawdex beda jopera. “Meta tħares lejn ir-ritratt, is-supernova tidher qisha tikka żgħira fost ħafna oħrajn. Iżda dik it-tikka żgħira tirrappreżenta avveniment vjolenti ħafna li d-dawl tiegħu qasam distanza enormi. Iġġiegħlek tieqaf u taħseb.”

Sport