Saturday, December 28, 2024

IL-MILIED FIL-ĠAPPUN

Luana Cini
Luana Cini
Sinoloġista

Aqra wkoll

Sentejn ilu kont erbaħt borza ta’ studju ġewwa l-Ġappun fejn studjajt mill-qrib l-ekonomija Ġappuniża. Il-kors kien ingħata fix-xahar ta’ Diċembru. Minħabba l-fatt li għext ma’ familja Ġappuniża, sirt naf iktar dwar kif iqattgħu l-Milied.

L-istaġun tal-vaganzi fil-Ġappun jiġi ċċelebrat eżattament l-oppost ta’ kif inhu ċċelebrat fil-pajjiżi tal-Punent. Fil-Ġappun, il-Milied huwa ż-żmien għall-ħbieb u l-koppji biex jorganizzaw festini fi djarhom, jagħmlu pjanijiet biex jiltaqgħu għall-ikel u jiċċelebraw kemm jistgħu; u l-ewwel tas-sena huwa dak ż-żmien meta l-membri kollha tal-familja jingħaqdu flimkien, iżuru t-tempju, u jagħtu bidu għal sena oħra b’ħafna ikel u xorb.

Huwa fatt li Lejlet il-Milied (fl-24 ta’ Diċembru) huwa l-aktar jum romantiku tas-sena fil-Ġappun. Din il-ġurnata hija l-verżjoni Ġappuniża ta’ Jum San Valentinu. Fil-fatt, jekk ma jkollokx ma’ min toħroġ lejlet il-Milied, tispiċċa ma tkunx trid tidher waħdek fil-pubbliku. Koppji Ġappuniżi, speċjalment dawk iżgħar, jibbukkjaw ikliet f’ristoranti romantiċi, il-ħwienet ibigħu rigali romantiċi tal-Milied, u t-toroq jiġu mżejna sal-inqas dettal biex jinkorporaw dan il-jum l-aktar romantiku.

In-natività fil-Ġappun hija magħrufa bħala żmien ta’ ferħ, aktar milli ċelebrazzjoni reliġjuża, u l-affarijiet tipiċi kollha li jmorru magħha għandhom l-istess tifsira u konnotazzjonijiet.

Il-kejk tal-Milied Ġappuniż jew “kurisumasu keki” jinbiegħ prattikament f’kull kantuniera li tara minn Hokkaido sa Kyushu! Din id-deżerta hija ħafifa daqslikieku sponża bil-mili tal-krema u frosting, kif ukoll miksija bil-frawli aħmar skur maqtugħa waħda waħda perfetti.

Din id-deżerta delizzjuża hija popolari ħafna għal għeluq is-snin; kif ukoll hija meqjusa bħala simbolu ta’ prosperità sabiex l-Ġappun tfakkar it-Tieni Gwerra Dinjija.

Kull Milied, madwar 3.6 miljun familja Ġappuniża jieħdu l-ikla tal-vaganzi tagħhom mingħand ħadd ħlief Kentucky Fried Chicken. B’xi mod din it-tradizzjoni hija waħda mill-aktar sagri u waħda li verament tinkorpora l-ispirtu Ġappuniż tal-Milied.

Id-domanda hija tant għolja li n-nies jibdew jagħmlu l-ordnijiet tagħhom għall-menu speċjali tal-Milied sitt ġimgħat qabel. U l-istennija fil-kju fil-jum tal-Milied hija tant twila li n-nies jieħdu sigħat biex jieħdu l-ikla tagħhom.

U forsi tistaqsu għala jagħmlu hekk? Fl-1974, KFC Ġappun nediet kampanja nazzjonali massiva tal-Milied u kienet ta’ suċċess kbir. Illum, hija parti ewlenija mit-tradizzjoni tagħhom u saret l-aktar ikla popolari għall-Milied fil-Ġappun. Għalkemm hija tradizzjoni għalja, għandha tifsira oltre minn sempliċiment it-tiġieġ. Tfisser li familji sħaħ jiltaqgħu flimkien u jieklu, u dan huwa imprezzabbli bl-istess mod ta’ kif aħna l-Maltin ningħaqdu bħala familja fil-ġurnata tal-Milied.

Ma nistax ma nsemmix ukoll id-dekorazzjonijiet t’illuminazzjoni li tara madwar il-pajjiż. Niftakar l-ewwel darba li żort il-pajjiż kien f’Mejju u meta kont ġejt lura Malta, kont għedt lil sħabi li qatt ma rajt belt tixgħel daqs Tokyo. Fi żmien il-Milied, il-Ġappun tkun mixgħula d-doppju minn kif tkun matul is-sena kollha.

Diċembru u Jannar huma xhur tajbin biex iżżur dan il-pajjiż maestuż, peress li t-temp ġeneralment ikun xemxi u wieħed xott. Madankollu, fit-Tramuntana tal-Ġappun u tul il-kosta Ġappuniża, tinżel ħafna borra fil-Milied u għalhekk jista’ jkun wieħed mill-aħjar żminijiet tas-sena biex iżżuru.

ハッピークリスマス jew Happīkurisumasu, li ma tfisser xejn għajr ‘Il-Milied it-Tajjeb’.

Ekonomija

Sport