Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, żar ir-Royal Malta Golf Club, fejn iltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Malta Golf Association u mal-atleti Maltin li kisbu riżultati storiċi fil-European Team Shield Championships 2026, li saru f’Malta matul ix-xahar ta’ Awwissu li għadda.
Matul iż-żjara, il-Ministru feraħ lill-atleti għas-suċċessi miksuba u ppreżentalhom trofej ta’ rikonoxximent għall-kisbiet tagħhom f’dawn il-kampjonati, li fihom Malta kisbet l-ewwel midalja tad-deheb fil-kompetizzjoni tal-irġiel u l-ewwel midalja tal-fidda fil-kompetizzjoni tan-nisa.
It-tim Malti tal-irġiel, magħmul minn Andrew Borg, Ruud Critien, Oliver Davies u JJ Micallef Verelst, kiseb l-ewwel midalja tad-deheb fl-istorja ta’ Malta f’kompetizzjoni tal-European Golf Association. Wara rebħiet kontra r-Rumanija u l-Latvja, it-tim Malti wasal sal-finali kontra t-Turkija, fejn kiseb rebħa deċiżiva wara logħba li kellha tiġi deċiża f’toqba addizzjonali.
It-tim Malti tan-nisa, magħmul minn Elliana Buhagiar, Laya Cristina, Serena Falzon Sant Manduca u Filippa Schulze Doering, kiseb l-ewwel midalja tal-fidda għal Malta f’dawn il-kampjonati. Wara rebħiet kontra l-Ukrajna u San Marino, it-tim Malti wasal sal-finali kontra t-Turkija, fejn ta prestazzjoni kompetittiva sal-aħħar.
Il-Ministru Byron Camilleri sostna li dawn ir-riżultati jirriflettu d-dedikazzjoni, id-dixxiplina u l-impenn tal-atleti Maltin, kif ukoll il-ħidma li qed issir biex ikomplu jiġu żviluppati diversi dixxiplini sportivi f’pajjiżna.
“Dawn huma kisbiet li jagħmlu unur lil Malta u li juru x’jistgħu jiksbu l-atleti tagħna permezz tad-determinazzjoni, it-taħriġ u l-ħidma kontinwa. Il-fatt li Malta kisbet l-ewwel midalja tad-deheb u l-ewwel midalja tal-fidda f’dawn il-kampjonati huwa mument importanti għall-isport tal-golf f’pajjiżna. Dawn is-suċċessi għandhom iservu wkoll ta’ ispirazzjoni għal aktar tfal u żgħażagħ biex jiskopru dan l-isport u jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Irridu nkomplu nagħtu l-importanza li tixraq lil kull dixxiplina sportiva u nappoġġaw lill-atleti tagħna biex ikomplu javvanzaw u jikkompetu fuq livell internazzjonali,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-President tal-Malta Golf Association, William Beck, qal, “Ilna nipparteċipaw fil-European Team Shield Championships għal dawn l-aħħar 12-il sena, u din is-sena kellna l-unur li nospitaw din il-kompetizzjoni f’Malta. Aħna kburin ħafna li t-tim tal-irġiel kiseb il-midalja tad-deheb, filwaqt li t-tim tan-nisa rebaħ il-midalja tal-fidda. Is-suċċess fl-organizzazzjoni ta’ dawn il-kampjonati kien possibbli wkoll bis-sostenn ta’ SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti. Nittamaw li dawn il-kisbiet iservu ta’ ispirazzjoni biex aktar żgħażagħ Maltin, kemm subien kif ukoll bniet, jitħajru jipprattikaw il-golf.”
Andrew Borg, wieħed mill-atleti tat-tim Malti tal-irġiel li rebaħ il-midalja tad-deheb, qal: “Huwa unur kbir għalina li rbaħna l-European Team Shield Championships din is-sena, speċjalment quddiem il-pubbliku Malti. Kellna tim magħqud ħafna u konna xxurtjati li kellna wkoll kowċis u staff tekniku eċċellenti. Wara li konna spiċċajna fir-raba’ post f’erba’ edizzjonijiet differenti, din kienet l-ewwel darba li rnexxielna niksbu l-ewwel post. Dan is-suċċess huwa frott il-ħidma tat-tim kollu, b’kontribut importanti minn Ruud Critien, JJ Micallef Verelst u Oliver Davies, li taw prestazzjonijiet mill-aqwa. Kienet ħidma kollettiva u kisba li tagħmilna tassew kburin.”
Il-European Men’s and Ladies’ Team Shield Championships 2026 kienu wkoll avveniment importanti għall-golf f’Malta, hekk kif għall-ewwel darba pajjiżna ospita kampjonat internazzjonali ta’ dan il-livell minn meta Malta ssieħbet fil-European Golf Association fl-2007.
Fil-kampjonati ħadu sehem 24 tim minn 18-il pajjiż, fosthom 14-il tim tal-irġiel u 10 timijiet tan-nisa, li kkompetew fuq erbat ijiem fir-Royal Malta Golf Club. L-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment kienet possibbli wkoll wara investiment sinifikanti li sar mill-klabb fit-titjib tal-korsa tal-golf.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru rrikonoxxa wkoll il-kontribut tal-kowċ Nicholas Zaher, tal-captain tat-tim tan-nisa Noah Gratil, kif ukoll tal-Malta Golf Association għall-ħidma tagħhom b’risq l-iżvilupp tal-golf u s-suċċess tal-atleti Maltin.
Il-Ministru rringrazzja wkoll lil dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni ta’ dawn il-kampjonati internazzjonali, li taw opportunità lil Malta biex tilqa’ atleti minn diversi pajjiżi Ewropej u tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħha fix-xena sportiva internazzjonali.




