Tuesday, November 10, 2026
Home Sport Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela jħabbar li, għall-ewwel darba, se jingħata investiment...

Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela jħabbar li, għall-ewwel darba, se jingħata investiment finanzjarju lill-clubs lokali tal-waterpolo li jikkompetu f’kompetizzjonijiet Ewropej

0
35

Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela ħabbar li, għall-ewwel darba, se jingħata investiment finanzjarju lill-klabbs lokali tal-waterpolo li jikkompetu f’kompetizzjonijiet Ewropej, permezz ta’ ftehim bejn VisitMalta u l-Assoċjazzjoni tal-Isports Akwatiċi ta’ Malta (ASA).

It-timijiet lokali li se jibbenefikaw minn din l-inizjattiva huma t-timijiet tal-irġiel u tan-nisa ta’ San Ġiljan Aquatic Sports Club, Sliema Aquatic Sports Club u Neptunes WPSC, kif ukoll it-tim tan-nisa ta’ Sirens Aquatic Sports Club. Dawn it-timijiet se jġorru l-marka VisitMalta fuq l-uniformijiet tagħhom u se jservu ta’ ambaxxaturi sportivi għal Malta.

Il-Ministru Jo Etienne Abela stqarr: “Nemmen bis-sħiħ li l-isport huwa wkoll għodda importanti biex nippromwovu pajjiżna, peress li jagħti lil Malta viżibbiltà internazzjonali u jippermettilna nuru l-identità u l-valuri tagħna lil hinn minn xtutna.”

Huwa kompla jgħid li “permezz ta’ dan il-ftehim, mhux biss qed ngħinu lill-klabbs inaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni tagħhom, iżda qed nagħtuhom ukoll l-opportunità li jirrappreżentaw lil Malta bħala ambaxxaturi fix-xena sportiva Ewropea.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef, stqarr li “permezz tal-preżenza tal-logo ta’ VisitMalta fuq l-uniformijiet tat-timijiet, qed noħolqu opportunità tanġibbli biex il-marka ta’ Malta tilħaq udjenzi internazzjonali u tippromwovi aktar lil pajjiżna bħala destinazzjoni Mediterranja dinamika, assoċjata mal-isport u stil ta’ ħajja attiv.” Huwa żied jgħid li “nemmnu li dawn il-klabbs huma ambaxxaturi importanti għal Malta lil hinn minn xtutna, u għalhekk aħna kburin li nappoġġjawhom fil-vjaġġ tagħhom fix-xena sportiva Ewropea.”

Il-President tal-ASA, Karl Izzo, irrimarka li “dan il-ftehim se jipprovdi għajnuna sinifikanti lill-klabbs li jikkompetu f’kompetizzjonijiet Ewropej; dan huwa partikolarment sinifikanti peress li, għall-ewwel darba, għandna ħames timijiet jipparteċipaw f’dan il-livell.” Huwa rringrazzja “lill-Gvern għall-appoġġ li qed jagħti lill-klabbs tagħna,” u esprima x-xewqa li “fis-snin li ġejjin naraw saħansitra aktar timijiet jikkompetu f’dan il-livell.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here