Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard nieda l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-ewwel Strateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għall-perjodu 2027–2031, waqt konferenza bit-tema “Shaping OHS Together”, organizzata mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA).
L-istrateġija se tistabbilixxi l-prijoritajiet u d-direzzjoni tal-ħidma nazzjonali f’dan il-qasam għall-ħames snin li ġejjin, b’enfasi fuq il-prevenzjoni, il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-adattament għall-isfidi ġodda fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru Jonathan Attard qal, “Dak tal-lum huwa l-ewwel pass pubbliku lejn it-tfassil tal-ewwel Strateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol sal-2031. Permezz ta’ konsultazzjoni u kollaborazzjoni mal-istakeholders kollha, se nkunu qed inwettqu impenn elettorali b’risq il-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Josianne Cutajar, saħqet fuq l-importanza li l-istrateġija tkun mibnija fuq il-bżonnijiet reali tal-pajjiż u tas-suq tax-xogħol Malti, b’miri ċari u pjan ta’ azzjoni li jista’ jitwettaq. “Strateġija nazzjonali hija importanti għaliex tipprijoritizza l-bżonnijiet tal-pajjiż u tal-ħaddiema f’Malta. Irridu jkollna miri ċari u tanġibbli li jżommu standards għoljin u jħarsu l-benesseri tal-ħaddiema. Fuq kollox, huwa importanti li jkollna pjan ta’ azzjoni fattibbli, mibni fuq ir-riżorsi li diġà għandu l-pajjiż,” qalet Dr Cutajar.
Il-konferenza kienet tinkludi wkoll intervent ta’ Artur Furtado, Kap tal-Unità għall-Kwalità tal-Impjiegi, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, li indirizza lill-parteċipanti dwar l-iżviluppi u l-isfidi fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fuq livell Ewropew.
Min-naħa tiegħu d-Direttur tal-Advisory Services fi ħdan l-EMCS, Silvan Mifsud għamel preżentazzjoni dwar il-bidliet demografiċi f’Malta u l-impatt tagħhom fuq il-kompożizzjoni tas-suq tax-xogħol. Kien hemm ukoll intervent minn Anthony Casaru, membru tal-Bord tal-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, dwar id-diskussjonijiet strateġiċi li għaddejjin fuq livell Ewropew.
Matul il-konferenza saru żewġ panel discussions li ffukaw fuq l-implimentazzjoni tar-riformi li saru f’dawn l-aħħar sentejn, kif ukoll fuq l-isfidi u l-opportunitajiet ġodda li qed jinħolqu fid-dinja tax-xogħol, fosthom dawk marbuta mal-iżviluppi teknoloġiċi.
Matul din l-attività kien hemm preżenti varji rappreżentanti fosthom dawk mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Università ta’ Malta, mill-General Workers’ Union, il-Malta Employers’ Association u l-UĦM Voice of the Workers. Il-konferenza ntemmet b’indirizz miċ-Chairperson tal-OHSA, Pierre Fava.
