“Wasal iż-żmien li min qed imexxi fuq livell lokali verament ikun konvint mill-bżonn li nimxu lil hinn mill-konvenjenza tal-karozzi u nagħtu dan l-ispazju lin-nies. Ejja ma ntellfux it-tama lil dawk kollha li kienu bdew jemmnu li tlaqna mir-retorika politika u se nibdew nattwaw dak il-ħafna kliem sabiħ li ntqal fuq iżjed spazji miftuħa fil-lokalitajiet tagħna”.
Dan iddikjarah il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo f’messaġġ fuq Facebook, fejn irrimarka li l-pjazez fl-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna, huma l-qalb minn fejn evolvew il-komunitajiet. Speja kif l-anzjani jirrakkuntaw stejjer ta’ kif il-ħajja kienet iddur mal-Pjazza u li hemm kienu jiltaqgħu mal-familji u l-ħbieb tagħhom, igawdu l-kumpanija ta’ xulxin waqt li jiċċelebraw dak kollu li jagħmilna Maltin.
Irrimarka kif sfortunatament illum-il ġurnata hemm sitwazzjoni fejn ħafna mill-pjazez tagħna spiċċaw meħudin mill-karozzi, sew bħala triq u anke bħala parkeġġ. Il-Ministru Bartolo qal li sa ftit tas-snin ilu dan kien aċċettat u l-istatus quo irrenja, iżda għaliex il-Gvern tal-ġurnata emmen li għandhom jinbidlu l-affarijiet kien hemm ċerti bidliet, li żgħar kemm kienu żgħar taw it-tama li l-pjazez għandhom jerġgħu isiru l-qalba tas-soċjetà.
Qal ukoll; “Għandhom jerġgħu jingħataw il-ħajja. U għalhekk li qed isir investiment wara l-ieħor mimm entitajiet governattivi sabiex insebbħu l-pjazez tagħna, fil-waqt li llum-il ġurnata hemm anke l-appoġġ neċessarju lill-Kunsilli Lokali sabiex jembarkaw f’din id-direzzjoni li qiegħed jagħti l-Gvern”.
Enfasizza li biex iseħħu dawn il-bidliet, hemm bżonn sforz kollettiv u rieda politika li trid tmur lil hinn mill-konvenjenza u taħseb sabiex b’konvinzjoni tibda ġġib il-bidla li tant hemm bżonn. Qal ukoll li jekk verament nemmnu li għandu jkollna iżjed spazji miftuħa għall-familji allura, għandna nibdew mill-pjazez tagħna, immorru lura għall-għeruq tagħna.
Semma bħal pereżempju l-Pjazza tal-Kalkara li ġiet il-ġmiel tagħha, Raħal Ġdid fejn minkejja l-kritika kollha dwar il-proġett tal-pjazza hemm spazju miftuħ biex jitgawda mir-residenti, u dik ta’ Buġibba li ilha s-snin pedonali u wara dan is-sajf se jibda proġett ta’ riġenerazzjoni fiha u li se jwassal għal ambjent isbaħ għal kulħadd.
Dwar Għawdex, il-Ministru Bartolo qal li hemm ukoll diversi pjazez f’Għawdex il-ġmiel tagħhom li addottaw mudell simili. Dan minbarra l-investiment li għaddej bħalissa fil-Pjazza tal-Birgu fejn anke hemmhekk se tingħata aktar opportunità ta’ iżjed spazji lin-nies.
Innota b’dispjaċir li wara l-investiment li sar fil-Pjazza tal-Mellieħa, din baqgħet miftuħa dejjem għat-traffiku, u issa wara l-investiment li sar fil-Pjazza tal-Mosta l-Kunsill Lokali tal-Mosta jrid ireġġa’ lura d-deċiżjoni għaqlija li l-Pjazza tkun magħluqa ghat-traffiku fi tmiem il-ġimgħa. Qal ukoll li l-istess jgħodd għall-Kunsill tan-Naxxar li kien beda jagħlaq il-Pjazza nhar ta’ Ħadd imma mal-bdil tas-Sindku jidher li nbidlet ukoll din id-deċiżjoni għax ma ngħalqet qatt iżjed wara l-elezzjoni.
Żied jgħid; “X’opportunitajiet mitlufa biex nagħtu l-ħajja lil dawn il-pjazez. Xi spazju mitluf biex noħorġu fid-deher il-kultura u l-artiġjanat Malti li jista’ jitgawda u jkun apprezzat kemm mill-Malti u anke mit-turist”
Tenna sabiex ma nreġġgħux l-arloġġ lura u sabiex ħarsitna trid tkun lejn il-futur. Irrimarka li jekk ma jkunx hemm kuraġġ li titwettaq il-bidla, ikun hemm dispjaċir li ż-żmien għaddej u ma jistenna lil ħadd.