Saturday, July 20, 2024

Il-Ministru u Chairperson tal-OSCE Ian Borg jiltaqa’ mal-President ta’ Każakistan f’Astana

Aqra wkoll

Iċ-Chairperson tal-OSCE u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg iltaqa’ mal-President tal-Każakistan Kassym-Jomart Tokayev fil-belt kapitali Astana, it-Tlieta, waqt l-ewwel waqfa minn żjara uffiċjali ta’ tlett ijiem tal-OSCE fl-Asja Ċentrali.

Il-Ministru Borg wassal sentiment ta’ simpatija u appoġġ għall-poplu tal-Każakistan, wara l-għargħar devastanti li laqat diversi nħawi tal-pajjiż fl-aħħar xhur. “Nirrikonoxxu r-reżiljenza u s-saħħa li wera l-poplu tal-Każakistan,” hu qal lill-President Tokayev, hekk kif fakkar li “dawn il-fenomeni jkomplu jfakkruna l-bżonn li nagħtu spinta kbira ‘l quddiem lill-isforzi tagħna biex insaħħu r-reżiljenza tal-komunitajiet tagħna għal diżastri naturali bħal dawn fiż-żona tal-OSCE, inkluż l-Asja Ċentrali”.

Iċ-Chairperson tal-OSCE enfasizza l-irwol importanti tal-OSCE u sostna li “l-koperazzjoni reġjonali hija ċ-ċavetta għall-istabbilità u s-sigurtà fl-Asja Ċentrali u lilhinn minnha”.

F’konferenza għall-media flimkien mad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Murat Nurtleu, iċ-Chairperson qal li “l-Każakistan qed imexxi bl-eżempju permezz tal-impenn li jżomm il-paċi u s-sigurtà, bħal m’għamel meta ospita t-taħditiet bejn il-ministri tal-affarijiet barranin tal-Armenia u l-Azerbaijan dwar it-tħejjijiet għal trattat ta’ paċi. B’referenza għat-tibdil fil-klima, ma nistax ma nfaħħarx is-sehem attiv tal-Każakistan waqt il-Konferenza tal-OSCE dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f’Malta ftit jiem ilu, kif ukoll għall-inizzjattiva ta’ dan il-pajjiż biex jospita s-Summit Reġjonali tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-Klima fl-2026,” żied jgħid.

Il-Ministru Borg tenna li l-OSCE hija lesta biex tkompli tappoġġja lil Każakistan fit-twettiq tal-pjanijiet u l-liġijiet li adotta l-pajjiż riċentament sabiex itejjeb id-drittijiet umani, is-saltna tad-dritt, id-drittijiet tan-nisa u s-sigurezza tat-tfal.

Fil-Każakistan, iċ-Chairperson tal-OSCE ltaqa’ wkoll maċ-Chairperson tas-Senat Maulen Ashimbayev u ċ-Chairperson tal-Qorti Kostituzzjonali Elvira Azimova.

Fl-Uffiċċju minn fejn l-OSCE topera l-programmi tagħha f’Ostana, id-delegazzjoni tal-Presidenza Maltija tal-OSCE mmexxija mill-Ministru Borg kellha wkoll taħditiet ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. “Aħna napprezzaw u nippromwovu l-irwol kruċjali li soċjetà ċivili vibranti għandha fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, fil-libertajiet fundamentali u d-demokrazija,” qal il-Ministru.

Iż-żjara tal-Presidenza Maltija tal-OSCE fl-Asja Ċentrali ser tkompli l-Erbgħa u l-Ħamis.

Malta bdiet 12-il xahar ta’ Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) f’Jannar, bit-tema “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà”, wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f’Novembru tal-2023.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport