Friday, February 7, 2025

IL-MIRI AMBJENTALI JIBQGĦU PRIJORITÀ

Aqra wkoll

Pajjiżna qiegħed ikompli jimxi ‘l quddiem fil-miri ambjentali tiegħu. Dan qed isir permezz ta’ diversi proġetti li jinċentivaw il-ħidma għal ambjent aktar nadif u sostenibbli permezz ta’ diversi proġetti oħra fosthom ta’ spazji miftuħa li jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Ma nistgħux ma ninnutawx b’sodisfazzjon is-suċċess li qed ikompli jinkiseb grazzi għall-introduzzjoni tal-iskeda l-ġdida tal-ġbir tal-iskart. Insemmu dan għaliex nemmnu li riforma bħal din hija importanti billi qed jinġabar iktar skart organiku, inqas skart imħallat u dan kollu b’inqas traġitti allura inqas traffiku u tniġġiż.

F’dan l-ambitu wkoll, tajjeb li nitkellmu ftit dwar l-iskema tar-rifużjoni għall-kontenituri tax-xorb (BCRS) li rawmet u tejbet aktar l-għarfien dwar l-importanza tal-immaniġġjar tal-iskart bħala mezz biex jittejjeb l-ambjent ta’ madwarna. 

Filwaqt li ninnutaw b’sodisfazzjon ir-rata għolja ta’ ġbir ta’ kontenituri tax-xorb li qed jiġu riċiklati, nemmnu li hemm lok għal aktar titjib, b’mod partikolari fl-effiċjenza ta’ din is-sistema. Dan ġie nnutat mis-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia nnifsu fil-jiem li għaddew meta fil-Parlament innota kif għalkemm in-nies qed jikkoperaw, qed tinħoloq sistema fejn mil-lat ekonomiku mhijiex qed tkun vijabbli. 

Minn dawn il-kolonni naqblu li għandu jkun hemm sistema li taqdi għall-ħtiġijiet tan-nies. Nisħqu li għalhekk ikun aktar għaqli u f’loku li jiżdiedu l-magni tar-riċiklaġġ, mhux biss imma wkoll li dawn ikunu jaħdmu l-ħin kollu. Ngħidu dan għaliex ġieli smajna bi lmenti ta’ konsumaturi li marru jitfgħu l-flixken fil-magni u sabu li dawn ma kinux jaħdmu. Għalhekk jeħtieġ li l-operaturi jassiguraw li l-magni jaħdmu b’effiċjenza u jilħqu l-iskop tagħhom.

B’dankollu huwa xorta ammirevoli l-fatt li kieku ma saritx din l-inizjattiva tal-BCRS dawn il-miljuni kollha ta’ flixken partikularment dawk tal-plastik kienu jispiċċaw mormija xi mkien b’detriment qawwi għall-ambjent naturali tagħna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport