Saturday, December 21, 2024

Il-Moviment Graffitti jappoġġja l-liġi l-ġdida dwar il-kannabis

Aqra wkoll

Il-Moviment Graffitti tenna l-pożizzjoni tiegħu favur il-proposta ta’ riforma tal-liġi dwar il-kannabis f’Malta. L-organizzazzjoni ddeskriviet l-abbozz il-ġdid bħala “titjib sostanzjali” meta mqabbel mal-White Paper ippreżentata aktar kmieni din is-sena.

L-organizzazzjoni faħħret ukoll din il-liġi li bis-saħħa tagħha min juża l-kannabis ma jibqax jiġi arrestat, imfittex jew inkella ffastidjat minħabba pussess ta’ ammonti żgħar tas-sustanza. “L-għan ewlieni tal-liġi proposta huwa li jiġi regolat suq eżistenti ta’ persuni li jużaw il-kannabis, li issa se jingħataw il-possibbiltà li jixtru l-prodott tagħhom minn sorsi aktar sikuri, mingħajr biża’ li jiġu mfixkla mill-awtoritajiet, u mingħajr ma jkollhom għalfejn jirrikorru għas-suq illegali,” qalet l-organizzazzjoni fi stqarrija. “Aħna kompletament favur l-idea li min juża d-droga m’għandux jibqa’ jintbagħat il-ħabs, speċjalment meta wieħed iqis l-istejjer li ħarġu minn Kordin fl-aħħar sentejn.”

Il-Moviment Graffitti laqa’ wkoll il-provvediment li jippermetti lil min juża l-kannabis ikabbar sa 4 pjanti f’daru, kif ukoll regolamenti li jippermettu l-introduzzjoni ta’ klabbs tal-kannabis li permezz tagħhom assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jistgħu jkabbru l-pjanti u jqassmu l-prodott mal-membri. “Dan ifisser li persuni li jużaw il-kannabis se jkollhom l-għażla li jkabbru u jikkonsmaw il-prodott tagħhom stess, mingħajr ma jkunu sfurzati jixtru l-kannabis mingħand il-bejjiegħa.”

Il-grupp appella wkoll biex tintemm l-istigmatizzazzjoni tal-persuni li jużaw il-kannabis, filwaqt li tikkundanna bl-aħrax il-miżinformazzjoni u l-kampanji ta’ biża’ li qed isiru minn numru ta’ kritiċi tal-liġi.

“Sfortunatament, fid-dibattitu rajna aktar u aktar dikjarazzjonijiet skoretti fil-midja, b’ċerti organizzazzjonijiet jikkwotaw statistika li ma teżistix, jew sempliċiment jgħawġu l-fatti. In-narrattiva li l-persuni li jużaw il-kannabis jirrikorru għat-tipjip minħabba n-nuqqasijiet tagħhom jew dawk tas-soċjetà hija patronizzanti u umiljanti. L-użu rikreattiv tal-kannabis mhuwiex aberrazzjoni iżda għażla, bl-istess mod kif in-nies jagħżlu li jikkonsmaw it-tabakk, l-alkoħol, jew il-laħam.”

“L-ipoteżi li l-kannabis hija gateway drug għal sustanzi itqal kemm-il darba ġiet skreditata minn studji xjentifiċi xierqa, madankollu l-għedewwa tal-liġi l-ġdida għadhom jirrepetuha. Din il-miżinformazzjoni, flimkien ma’ nuqqas ta’ fehim ċar dwar l-effetti tas-sustanza, wasslu għal aktar stigma lejn min juża l-kannabis.”

Il-Moviment Graffitti kkundanna wkoll id-dikjarazzjonijiet riċenti tal-Malta Employers Association li qed jitolbu approċċ li ta’ tolleranza zero u li jingħataw is-setgħa li jittestjaw lill-ħaddiema tagħhom għad-drogi.

“Insibuha stramba li l-MEA qed tipproponi approċċ ta’ tolleranza zero lejn sustanza li ma taf xejn dwarha. Il-kannabis tibqa’ fid-demm għal numru ta’ ġimgħat, għalhekk testijiet bħal dawn qatt ma jistgħu jiżvelaw jekk xi ħadd ikkunsmahiex eżatt qabel mar ix-xogħol jew fuq il-post tax-xogħol stess. L-MEA qed tipproponi li ħadd ma jista’ juża l-kannabis fil-ħin liberu tiegħu?”

“Minbarra dan l-attentat biex jirrestrinġu l-ħin liberu tal-ħaddiema, it-testijiet fihom infushom huma miżura invażiva li se xxekkel is-serħan tal-moħħ tal-ħaddiema. Il-Gvern għandu joqgħod attent milli jċedi għat-talbiet eżaġerati tal-MEA, għax faċli tinħoloq sitwazzjoni fejn inqas persuni qed jintbagħtu l-ħabs iżda min iħaddem qed jingħata l-poter jirrestrinġi l-libertajiet u d-dinjità tal-ħaddiema.”

Fl-aħħar nett, l-organizzazzjoni appellat wkoll lill-Ministru Owen Bonnici sabiex iwaqqaf awtorità regolatorja indipendenti b’saħħitha, u stqarret li “r-riforma tal-kannabis se tkun effettiva biss skont kemm tkun effettiva l-awtorità li tissorveljaha, u dan jgħodd għal kull awtorità oħra f’kull settur ieħor.”

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss
Ekonomija

Sport