Saturday, December 21, 2024

Il-Myanmar imħeġġeġ jevita l-vjolenza hekk kif l-oppożizzjoni tiddikjara rivoluzzjoni

Aqra wkoll

Il-pajjiżi Ażjatiċi kif ukoll dawk tal-Punent ħeġġew liż-żewġ naħat rivali fil-Myanmar biex jevitaw il-vjolenza u ma jxekklux l-għajnuna umanitarja. Dan l-appell sar wara li x-shadow government, magħmul minn persuni li jopponu t-tmexxija militari, iddikjaraw irvellijiet madwar il-pajjiż kollu kontra l-ġunta. 

Il-Gvern ta’ Għaqda Nazz­jonali (NUG) iddikjara li qiegħed iniedi “gwerra ta’ difiża tal-poplu”, li ħafna interpretawha bħala talba lill-dawk kollha kontra t-tmexxija militari biex jirribellaw u anke talba lit-truppi u uffiċjali biex jaqilbu lejn in-naħa tagħhom.

Kelliemi militari meta tkellem mal-midja qal li din is-sejħa għar-rivoluzzjoni mhi xejn għajr attentat biex l-oppożizzjoni tikseb iktar attenzjoni u skontu din hi ħaġa li mhix se tirnexxi. Sakemm morna għall-istampa, ma kien hemm l-ebda rapporti ta’ vjolenza iżda wieħed seta’ jinnota ż-żieda sostanzjali fin-numru ta’ forzi tas-sigurtà fl-ikbar belt tal-Myanmar, Yangon. 

L-instabbiltà ġewwa l-Myanmar qamet wara li fl-1 ta’ Frar li għadda, il-militar kien wettaq kolp ta’ stat u neħħa lill-gvern ta’ Aung San Suu Kyi li kien elett demokratikament. 

L-Indoneżja, li huwa pajjiż ġar tal-Myanmar, qiegħed jaħdem bis-sħiħ biex f’dan il-pajjiż terġa’ tirrenja l-istabbiltà. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Indoneżja ħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jagħtu prijorità lis-sigurtà  u s-saħħa tal-poplu tal-Myanmar filwaqt li wissew li l-assistenza umanitarja tista’ titwassal biss jekk is-sitwazzjoni tkun stabbli u ma jkunx hemm vjolenza. 

Ekonomija

Sport