Thursday, March 27, 2025

IL-PAĊI TINKISEB BID-DJALOGU U NEGOZJATI

Aqra wkoll

Pajjiżna, speċjalment taħt Gvernijiet Laburisti dejjem żamm u mexa mal-prinċipju li l-kunflitti ma jinħallux bl-użu tal-forza u bil-bumbardamenti, imma bid-djalogu ġenwin u b’negozjati reċiproċi ġusti madwar il-mejda. Pajjiżna, li ġarrab ħafna fit-tieni Gwerra Dinjija, għaraf li fil-gwerer ma jkun hemm qatt rebbieħa imma telliefa biss u dejjem. L-istorja ta’ gwerer oħra hekk urietna.

Għalhekk Malta dejjem sostniet li tkun pajjiż newtrali, għaliex bil-politika ta’ hekk mhux biss ma tkunx parti minn xi blokk militari u favur naħa u kontra oħra, imma wkoll biex tkun tista tikkontribwixxi għall-paċi partikularment fir-reġjun tal-mediterran.

Kemm huwa minnu li l-kunflitti jistgħu biss jinħallu permezz tad-djalogu u d-diplomazija rajnieh iseħħ f’dawn l-aħħar jiem bil-ftehim li ntlaħaq bejn ir-Russja u l-Ukrajna li jwaqqfu l-ġlied navali ta’ bejniethom fil-Baħar l-Iswed.

Anki jekk għadu kmieni wisq biex xi ħadd jazzarda jivvaluta jekk dan il-ftehim jistax, fir-realta, iseħħ jew le, bla dubju xorta waħda jibqa jimmarka żvilupp importanti fi gwerra li issa ilha għaddejja għal tliet snin sħaħ u li ħalliet għadd nies mejta fuq iż-żewġ naħat tal-kunflitt.

Mhux biss dan il-qbil huwa żvilupp importanti għaż-żewġ naħat fil-gwerra għax almenu se jwaqqaf il-ġlied navali bejniethom imma huwa mportanti wkoll għax mistenni li jekk u meta jidħol fis-seħħ jkollu wkoll impatt fix-xena globali l-iktar fuq l-inflazzjoni internazzjonali.

Dan kemm-il darba jwassal għal ftuħ mill-ġdid tar-rotot marittimi fil-Baħar l-Iswed għat-trasport tal-qamħ u ċ-ċereali, kif kienu qabel il-bidu tal-gwerra bl-invażjoni Russa tal-Ukrajna.

Ftehim li kien intlaħaq bosta xhur ilu dwar it-trasport tal-qamħ mill-Baħar l-Iswed kien ġie stabbilit biex jippermetti li vapuri tal-merkanzija li jivvjaġġaw lejn u mill-Ukrajna jinnavigaw b’mod sikur mingħajr ma jiġu attakkati mir-Russja.

Dak il-ftehim dakinhar kien iffaċilita t-trasport tal-qamħ, żejt tal-ġirasol u prodotti oħra meħtieġa għall-produzzjoni tal-ikel, bħal fertilizzant, mill-Baħar l-Iswed. 

Il-ftehim kellu l-għan li jdum fis-seħħ għal perjodu ta’ 120 jum iżda sfortunatament, wara bosta estensjonijiet, ir-Russja ħarġet mill-ftehim f’Lulju 2023, għax sostniet li partijiet ewlenin tal-ftehim ma kinux ġew implimentati.

Nittamaw li l-qbil li ntlaħaq f’dawn l-aħħar jiem ikun tali li ma jagħti ebda lok għal xi ekwivoċi li jistgħu jintużaw biex imewtu dan l-istess ftehim li sar permezz tad-djalogu, negozjati u diplomazija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport