Sunday, November 3, 2024

“Il-pagi fil-catering iħabbtuha ma’ dawk ta’ setturi oħra” 

Matthew Pace, Viċi President tal-ACE

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) nediet stħarriġ li għamlet dwar il-pagi li qed jingħataw lill-impjegati ta’ stabbilimenti indipendenti tal-Catering. Minn dan l-istudju ħarġu diversi punti interessanti fejn jidħlu s-salarji tal-impjegati fi gradi differenti, li jikkomparaw tajjeb ma’ dawk ta’ setturi oħrajn.

Tkellimna mal-Viċi President tal-ACE Matthew Pace li spjegalna li bħala Assoċjazzjoni għamlu dan l-istħarriġ minħabba l-perċezzjoni li kien hemm li s-settur tal-catering mhux qed isib biżżejjed ħaddiema għax “qegħdin iħallsu bil-karawett”. 

Is-Sur Pace beda billi rrimarka li r-realtà li ħarġet mill-istħarriġ kienet totalment differenti mill-perċezzjoni tan-nies. Huwa qal li: “bir-ristorant tiegħi naf kemm jitħallsu waiters, barmen, chefs f’kull kategorija u anke restaurant managers u l-pagi huma sostanzjali. Naf li dawn il-pagi jħabbtuha mal-maġġoranza tas-setturi tal-pagi f’Malta u Għawdex eskluż il-gaming.”

Dan l-istħarriġ sar fost 121 ristorant, li jifformaw kwart mill-membri tal-ACE,  li jimpjegaw 1,044 persuna fuq bażi full-time u 942 fuq bażi part-time. Is-sidien tar-ristoranti kellhom sitt għażliet differenti ta’ pagi (wage bracket) għal kull kategorija biex jagħżlu minnhom. Ir-riżultati li ħarġu fuq 173 siegħa xogħol f’xahar li ma jinkludux l-overtime, commissions mill-bejgħ jew tips mingħand il-klijenti. 

Mill-istħarriġ ħareġ li l-paga gross li tingħata kull sena lil: waiters u lil min iservi l-ikel (72% qalu li din hija bejn €14,500 u €19,200 fis-sena); bartenders (78% qalu li jħallsuhom bejn €14,500 u €19,200 fis-sena); dishwashers u l-cleaners (82% qalu li l-ħlas huwa ta’ inqas minn €14,500); restaurant managers (73% qalu li din tvarja bejn €19,200 u €34,000. 10% tal-parteċipanti qalu li għal dawn l-impjegati jħallsu aktar minn €30,000 fis-sena); ħaddiema fil-kċina – chef de partie (78% qalu li l-ħlas huwa bejn €14,500 u €19,200); chef tournant (88% qalu li l-ħlas huwa bejn €15,600 u €23,000); sous chef (78% qalu li l-ħlas huwa ta’ €20,400 u €31,200. 11% tagħhom qalu li jħallsu aktar minn €31,200 għal Sous Chef); head chef (90% qalu li jitħallsu bejn €27,600 u €40,000. 40% minnhom qalu li l-paga għal dan hija aktar minn €36,000).

Is-Sur Pace spjega ma’ talk.mt li s-settur tal-catering huwa maqsum fi tliet kategoriji – snackbars/kiosks, ristoranti ‘casual dining’ u ristoranti upmarket/fine dining. Qal li 70% ta’ dawk li rrispondew f’dan l-istħarrriġ kienu ristoranti ‘casual dining’.

“Wieħed jinnota illi dawk jibdew mill-qiegħ, jafu l-industrija sew, ikomplu jitilgħu tarġa tarġa”

Matthew Pace

Huwa spjega li f’dan is-settur, wieħed għandu l-possibilità li javvanza dejjem aktar fil-karriera tiegħu.

Sadanittant, is-Sur Pace tkellem ukoll dwar l-effetti li ħalliet il-pandemija fuq l-industrija tal-catering fejn qal li kien hemm ħafna ħaddiema Maltin, li kienu tajbin ħafna f’xogħolhom, kellhom jitilqu mis-settur. 

“Is-settur tagħna ntlaqat drastikament waqt il-pandemija. Kien hemm min mar f’setturi oħrajn u baqa’ hemm għax il-ħinijiet li jaħdmu kienu differenti, u dan avolja jaqbdu paga inqas fix-xahar,” qal il-Viċi President tal-ACE. “Jiena naf minn tal-inqas tmien kokijiet li m’għadhomx jagħmlu dan ix-xogħol u kien hemm kokijet ta’ ċertu portata.”

Sport