Thursday, April 25, 2024

IL-PAGI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar wasal għal qbil dwar direttiva li ddaħħal il-kunċett ta’ paga minima nazzjonali f’kull pajjiż membru. Strettament din mhijiex materja li taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Unjoni. Ġiet kontestata minn pajjiżi differenti dwar hekk. Hemm stati (bħad-Danimarka) fejn il-pagi kollha jiġu negozjati bejn l-imsieħba soċjali biss. 

Madankollu, jidher sew li l-kunċett ta’ paga minima qed jaqa’ lura fuq ir-realtajiet soċjali ta’ ħafna pajjiżi, inkluża Malta. Ma’ kullimkien qed jiżdied il-faqar assolut jew relattiv għal persuni anke f’impjieg. Qed “tgħin” f’dan il-prattika ta’ ħaddiema importati minn barra li jiġu esplojtati. 

Sar aktar utli l-ħsieb li l-ħarsien soċjali jippernja fuq paga li tipprovdi l-mezzi għal għajxein diċenti. Terġa’, il-fehma qed tkun li aktar minn emfażi fuq paga, għandna nitkellmu dwar dħul li jwassal għal għajxien siewi. L-istudju li ġie kkummissjonat dwar das-suġġett mill-General Workers Union u oħrajn  jagħti ħarsa f’das-sens lejn il-qagħda Maltija. Jistħoqqlu attenzjoni aktar milli ngħata sa issa.

INVESTIMENTI

Kemm-il darba rajt investimenti privati jsiru f’Malta li ma stajtx nifhem kif tnebbħu. Niftehmu: ġara l-istess min-naħa tal-gvernijiet. Imma dawk li jiddeċiedu investimenti publiċi jkollhom f’moħħhom ukoll għanijiet politiċi jew soċjali. Meta negozjanti jinvestu, jagħmlu hekk għal raġunijiet finanzjarji u ekonomiċi.

Allura fl-imgħoddi stagħġibt meta rajt kif ċerti impriżi investew bil-kbir f’tagħmir maħsub biex iżid fil-produzzjoni tagħhom. Dan qabel Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea għax qiesu li se jkollhom aċċess għal swieq kbar ġodda bla problema ta’ xejn. Spiċċaw tilfu l-investiment kollu tagħhom, jew kważi.

Illum qed naraw xi ħaġa simili tiġri fil-qasam tal-bini tal-lukandi. 

ENERĠIJA

Fondamentalment biex jintlaħaq ftehim sod dwar politika enerġetika waħda għall-Ewropa ntilef wisq żmien. Sal-ġmgħa li għaddiet, il-Ġermanja kienet qed tiġi “akkużata” li telqet għal rasha biex tipproteġi l-interessi tagħha. Imma filfatt, kull pajjiż tista’ tgħid baqa’ jara kif se jfittex l-aħjar soluzzjoni għaċ-ċittadini u l-impriżi tiegħu.

Bis-sanzjonijiet li l-Ewropej ipproklamaw kontra r-Russja kien ovvju li din se tirritajla u li jekk il-pressjoni tibqa’ għaddejja miż-żewġ naħat, sanzjoni u retaljazzjoni se jkomplu jeskalaw. Jien qbilt u naqbel mas-sanzjonijiet Ewropej. Imma kellhom jinftehmu minnufih bħala forma ta’ gwerra ekonomika — li hi preferibbli għal konflitt bl-armi. Biss, f’kull gwerra, trid tipprepara kif se tilqa’ għad-daqqiet li se tirċievi. 

L-Ewropej ma kinux lesti għal hekk. Billi jsejħu l-miżuri tar-Russi dwar enerġija bħala rikatt mhuma se jieħdu xejn.  Għalhekk baqgħu għal żmien twil wisq bla ftehim sod u sħiħ bejniethom, fl-interess ta’ kulħadd, dwar enerġija. 

Sport