Saturday, November 23, 2024

“Il-pajjiżi tal-UE għandhom jagħmlu dak kollu possibbli biex jilqgħu lil Afgani”

Jgħid dan id-Direttur tal-Kummissjoni Emigranti, ir-Reverendu Anton D’Amato

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Quddiem is-sitwazzjoni diffiċli li jinsabu fiha għadd kbir ta’ persuni Afgani, li tfisser eluf kbar ta’ nies li qed jippruvaw jaħarbu mill-pajjiż u quddiem il-fatt li l-Unjoni Ewropea aktar interessata li żżomm ir-refuġjati f’pajjiżi ġirien milli li tilqagħhom fl-Ewropa, ir-Reverendu Anton D’Amato, Direttur tal-Kummissjoni Emigranti iddikjara ma’ dan is-sit li l-pajjiżi għandhom jagħmlu dak kollu possibbli biex jilqgħu fi spirtu ta’ solidarjetà lill-Afgani.

Ir-Reverendu D’Amato qalilna li  “s-sitwazzjoni fl-Afganistan hi waħda instabbli u perikoluża ħafna għall-poplu Afgan. Kif stajna naraw fl-aħbarijiet, eluf ta’ persuni ġew evakwati minn Kabul filwaqt li eluf oħra li wkoll riedu jaħarbu ma setgħux. L-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea ħeġġew lill-politiċi sabiex jilqgħu lil dawn ħutna li qegħdin jippruvaw jaħarbu mill-biża’ reali ta’ persekuzzjoni u tbatija. Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandhom jagħmlu dak kollu possibbli sabiex fi spirtu ta’ solidarjetà jilqgħu lil dawn in-nies.”

Jitkomplew il-pjani għal forza militari Ewropea

Waqt li l-Unjoni Ewropea qed jipprova tagħlaq il-bibien għal persuni Afgani, fejn l-ammont ta’ refuġjati li se jittieħdu huma biss persuni li ħadmu ma’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fl-istess Unjoni Ewropea bdew mill-ġdid movimenti biex titwaqqaf l-armata Ewropea.

Filfatt kien nhar il-Ħamis, li b’rabta mal-kriżi fl-Afganistan, il-Ministri ta’ Difiża tal-Unjoni Ewropea iltaqgħu bejniethom u ddiskutew proposti għat-twaqqif ta’ dik li qed tissejjaħ ‘Rapid Reaction Force’ u l-possibilità li jkun hemm koperazzjoni militari bħala Unjoni Ewropea sħiħa. Dan se jkun jgħodd għal dawk l-istati membri li jkunu interessati li jidħlu f’inizjattiva bħal din għax mhux kull pajjiż jaqbel ma’ sistema simili. L-għan ta’ inizjattiva simili hu dak li l-Unjoni Ewropea ikollha l-kapaċità li tirrispondi malajr għal kriżijiet li jinqalgħu bħal dik li inqalgħet fl-ajruport ta’ Kabul. 

Wieħed irid jgħid li pjani simili kienu ssemmew fis-sena 2006 fejn imbagħad ftit xhur wara kienet inħolqot sistema ta’ dawk li ssejħu ‘battle groups’ b’1,500 suldati. Dawn iżda qatt ma ġew utilizzati minħabba diversi raġunijiet fosthom fondi u kwistjonijiet bejn l-istati membri.

Jidher li issa dawn l-istess pajjiżi Ewropej interessati f’din l-inizjattiva se jkunu qed jiltaqgħu mill-ġdid f’Ottubru li ġej fejn hemmhekk mistennija li jiġu ippreżentati pjani konkreti. 

Il-Kap tal-Politika Barranija Ewropea, Josep Borrell u anke il-Kap Militari tal-Unjoni Ewropea, Claudio Graziano, qed iħeġġu lill-istati membri biex jaħdmu mill-ġdid fuq l-idea li jkun hemm forza militari li din tintbagħat f’żoni ta’ kriżi madwar id-dinja.  Huma qed jitkellmu fuq forza militari ta’ 5,000 suldat għall-bidu. Din qed titqies bħala li hi t-triq ‘lquddiem biex tnaqqas id-dipendenza fuq l-Istati Uniti. 

Din imma qed toħloq problema li operazzjonijiet militari simili għandhom bżonn li jkollhom l-unanimità tal-pajjiżi membri kollha. Dan qed joħloq diffikultajiet. Filatt Josep Borrell qed jgħid b’mod ċar u tond li m’hemmx bżonn li kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea jipparteċipa imma li jridu jaqblu u japprovaw dik il-missjoni.

Qed jissemma’ u dan qed ikun imbuttat l-aktar mill-Ġermanja, li tista’ tittieħed deċiżjoni mill-Unjoni Ewropea u li mhux bilfors trid l-approvazzjoni tal-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Filfatt il-Ġermanja qed timbokka biex ikun hemm dik li tissejjaħ ‘koalizzjoni ta’ voluntiera’, u din tkun tiġbor fiha lil dawk li jridu jipparteċipaw f’din il-missjoni. 

Sport