Thursday, December 26, 2024

Il-Papa rikoverat fi sptar … se jinżamm għal ftit ġranet minħabba infezzjoni respiratorja

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wara li lbieraħ kmieni filgħodu l-Vatikan qal li l-Papa Franġisku ttieħed l-isptar għal viżta skedata, tard filgħaxija tħabbar li fil-fatt huwa nżamm l-isptar minħabba li għandu infezzjoni fis-sistema respiratorja. Huwa rrapportat li l-Papa Franġisku se jinżamm għal ftit ġranet wara li kellu diffikultajiet biex jieħu n-nifs.

Din l-aħbar qajmet tħassib dwar saħħet il-Papa li kif anke rajnih diversi drabi, saħtu tant marret lura li kien jidher fraġli ħafna u ta’ spiss juża s-siġġu tar-roti.

Il-kelliem tal-Vatikan, Matteo Bruni, qal li, “f’dawn l-aħħar ġranet il-Papa Franġisku lmenta minn diffikultajiet biex jieħu n-nifs u wara nofsinhar mar fl-isptar Policlinico A. Gemelli għal xi testijiet mediċi”.

L-isptar li rrefera għalih huwa l-isptar ta’ Ruma fejn normament il-Papiet jingħataw kura medika. Min-naħa tiegħu Bruni qal li mit-testijiet irriżulta li l-infezzjoni respiratorja teħtieġ ta’ terapija adegwata fl-isptar. Però, ġie eskluż li l-Papa Franġisku għandu l-Covid-19.

Il-kelliem tal-Vatikan żied jgħid li l-Pontefiċe apprezza l-ħafna messaġġi li rċieva fejn esprima gratitudni u stieden lil kull min irid, biex jitolbu għalih.

Wara l-udjenza ġenerali tiegħu li ssir ta’ kull ġimgħa fi Pjazza San Pietru, il-Papa Franġisku ttieħed l-isptar u nżamm hemm. Il-impenji tiegħu skedati għall-għada, tħassru.

Ekonomija

Sport