Il-Parlament sellem il-memorja tal-eks Ministru Nazzjonalista, il-Perit Michael Falzon, li miet nhar il-5 ta’ Jannar li għadda fl-età ta’ 79 sena.
F’isem il-Gvern tkellem il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li qal li Falzon, dejjem u f’kull mument, ħabb lil pajjiżu. Qal li għalkemm kulħadd jaf x’kienu l-fehmiet politiċi tiegħu, dawn il-fehmiet politiċi qatt ma żammewh milli jkun oġġettiv favur pajjiżu.
Il-Ministru Bonnici kompla billi ddeskriva lill-Perit Michael Falzon bħala bniedem kolt, li jgħidha kif iħossha, kelma ma jżommhiex għalih imma fuq kollox kien ukoll jiżen il-kliem.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li t-telfa ta’ Michael Falzon hija telfa fuq livell nazzjonali għaliex il-poplu għandu jifhem li f’kull żmien jitfaċċaw politiċi li jħobu lill-pajjiż u li jagħmlu d-differenza.
“Kien bniedem li serva fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Serva lill-familja Maltija kif għandu jkun dejjem dak li jimbotta lil kull politiku, li nkunu hemm mhux għalina, mhux għal tagħna, imma għall-poplu kollu,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni. “Il-poplu Malti tilef persuna li ħabb lil pajjiżu.”
L-Ispeaker Anġlu Farrugia filwaqt li ngħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat, stqarr li l-persuna ta’ Michael Falzon dejjem kienet valida, taqbel u ma taqbilx miegħu, għax kull argument kien jispjegah.