Tuesday, December 24, 2024

Il-Partit Laburista Ingliż jippreżenta l-ewwel Budget tiegħu f’14-il sena

Se jżidu t-taxxi b’£40bn biex itejjeb l-NHS u s-servizz pubbliku

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista Ingliż, ilbieraħ ippreżenta l-ewwel Budget tiegħu f’14-il sena u dan hekk kif aktar kmien din is-sena reġa’ rebaħ l-elezzjoni ġenerali u għalhekk ingħata d-dritt li jiggverna.

Kienet il-Kanċellier Rachel Reeves li qrat dan il-Budget fejn mill-ewwel kien hemm indikazzjonijiet li se jkun hemm żieda qawwija fit-taxxi biex b’hekk jitjiebu s-servizzi tal-NHS u anke tas-servizz pubbliku.

Ċifri juru li l-Gvern Ingliż se jkun qiegħed jiġbor f’£40bn f’aktar taxxi fuq is-sena li għaddiet. Reeves qalet li l-ħaddiema mhux se jkunu qegħdin jaraw żieda fit-taxxi, iżda min iħaddem se jkun qiegħed iġorr parti kbira minn dan il-piż. Fil-fatt ma kien hemm l-ebda żieda fin-National Insurance jew fil-VAT u dan kif kien imwiegħed fil-kampanja elettorali ta’ din is-sena.

Min-naħa l-oħra min iħaddem se jkollu jħallas aktar taxxa tan-National Insurance fuq il-ħaddiema tiegħu u minn din biss il-Gvern se jkun qiegħed jiġbor £25bn.

B’mod immedjat kienet ir-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Rishi Sunak fejn akkuża lil Reeves u lill-Gvern Laburista li kien qiegħed jikser l-akbar wegħda elettorali li għamel li mhux se jżid it-taxxi fuq il-ħaddiema.

“Qegħdin jintaxxaw ix-xogħol tiegħek… qegħdin jintaxxaw in-negozju tiegħu… qegħdin jintaxxaw dak li rnexxilek tfaddal fil-bank,” qal Sunak lill-Membri Parlamentari fl-aħħar dehra tiegħu fil-Parlament bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Iżda r-risposta ta’ Reeves kienet immedjat fejn qalet li kull Kanċellier responsabbli kien jagħmel l-istess ħaġa biex ikun jista’ jirranġa l-pedament tal-ekonomija Ingliża.

Ta’ min jgħid li fl-aħħar snin ta’ Gvernijiet Konservattivi l-ekonomija Ingliża marret ħafna lura. Is-servizz tas-Saħħa Ingliż magħruf bħala NHS li kien meqjusa bħala wieħed mill-aqwa fid-dinja spiċċa fi kriżi kbira minħabba nuqqas ta’ fondi.

Fid-diskors tal-Budget li dam għaddej 76 minuta. Reeves qalet li l-Partit Laburista kien qiegħed iżomm mal-wegħda tiegħu tal-elezzjoni ta’ Lulju li għadda li se jkun qiegħed “jinvesti, jinvesti u jinvesti biex iqajjem l-ekonomija fuq saqajha.”

Il-Partit Laburista fil-kampanja elettorali kien qal li l-ewwel missjoni tiegħu fil-Gvern se jkun li fir-Renju Unit jerġa’ jkun hemm tkabbar ekonomiku u fi żmien ħames snin dan it-tkabbir ikun l-akbar wieħed mill-pajjiżi kollha tal-G7.

Ekonomija

Sport